Viżjoni Ħadra favur il-ġid komuni

Mark Zerafa – Segretarju Internazzjonali ADPD-The Green Party

Mad-daqqa t’għajn, id-dokument Vision 2050 kif ippubblikat mill-Gvern iqarreb lejn viżjoni pożittiva u sostenibbli għal Malta. Min-naħa l-oħra, jekk inħarsu lejn dan id-dokument xi ftit aktar mill-qrib, nifhmu li huwa ibbażat fuq premessa kemmxejn żbaljata – dik li l-Prodott Gross Domestiku (GDP) huwa kejl tajjeb tal-progress tal-pajjiz.  Hemm bżonn li nistaqsu: x’nifhmu bi progress tassew? Nemmnu li l-mixja tagħna lejn il-progress għandha tkun waħda ħolistika li tħaddan fiha mhux biss tisħiħ ekonomiku, iżda anke għanijiet ekoloġiċi, soċjali u kulturali li flimkien iwasslu għal titjib fil-ħajja tagħna lkoll. 

Hemm bżonn li nagħżlu bejn żewġ toroq; waħda li twassal għall-ġid komuni, u oħra li mhix għajr progress finta fejn il-ftit jistagħnew minn fuq dahar ħaddieħor. Il-kilba għall-profitti esaġerati minn xi wħud twassal biss għal ħsara ambjentali, żvilupp eċċessiv, tniġġis, muntanji ta’ skart, sfruttar tal-ħaddiema b’pagi baxxi u spekulazzjoni. 

Tajjeb li nistaqsu: liema huma dawk l-investimenti li huma tassew ta’ ġid għas-soċjeta’? Liema investimenti għandna nintaxxaw aktar? Liema huma dawk l-investimenti li għandhom ikunu ħielsa minn kull taxxa? Għandna nintroduċu dħul basiku universali, imħallas minn taxxi fuq spekulazzjoni jew fuq attività ekonomika li tagħmel konsum qawwi tar-riżorsi? It-taxxi għandhom jitfasslu b’mod strateġiku sabiex nidiżinċentivaw attività li tagħmel użu eċċessiv tar-riżorsi u ninċentivaw proġetti siewja għas-soċjetà u l-ambjent naturali tagħna. Ir-realtà hu li m’hemm l-ebda diskussjoni nazzjonali serja dwar dawn it-temi.

Tkabbir ekonomiku mingħajr limitu huwa biss illużjoni perikoluża, għaliex l-enerġija u riżorsi oħra mhumiex infiniti. Ekonomija Ħadra tagħmel użu ekonomiku u effiċjenti minn materjali ri-użabbli u riċiklabbli. Mhix biss l-industrija tal-manifattura twassal għat-tniġġis u emissjonijiet tal-karbonju; is-servizzi ukoll iħallu impatt negattiv fuq l-ambjent u s-saħħa tagħna. Hemm bżonn li nifhmu li t-tkabbir ekonomiku mhux dejjem sinonimu mal-progress. 

It-temperatura fil-Mediterran diġà żdiedet b’aktar minn 1.5 °C, u r-reġjun għaddej minn proċess ta’ deżertifikazzjoni. B’hekk, il-livell tal-baħar hu mistenni li jkompli jogħla, u jgħerreq żoni madwar il-kosta, bi ħsara għal bini residenzjali u negozji. Diġà qed naraw dawn l-problemi jsiru aktar spissi. Hemm bżonn li nagħtu sehemna, flimkien mal-komunità internazzjonali sabiex inrażżnu l-emissjonijiet tal-karbonju u nillimitaw il-ħsara mit-tibdil fil-klima.

Il-prinċipji ta’ benesseri u ġustizzja ekoloġika u soċjali għal kulħadd; rispett lejn l-ekoloġija, billi nagħrfu l-limiti tar-riżorsi tagħna; l-użu għaqli u effiċjenti tar-riżorsi tagħna; u l-governanza tajba, immexxija minn istituzzjonijiet b’saħħithom huma l-pedament tal-Green Vision 2050, dokument alternattiv b’viżjoni sostenibbli u fit-tul, imniedi minn ADPD-The Green Party. Green Vision 2050 jimmira għal ekonomija li ma titqiesx aktar bil-kejl tal-GDP imma li tfittex l-armonija bejn l-attività umana u n-natura. Dan iwassal għall-mixja tagħna lejn żero karbonju. Green Vision 2050 jipproponi erba’ pilastri alternattivi sabiex nilħqu dawn l-għanijiet. 

Pilastru Aħdar 1: LilHinn mit-Tkabbir: Ekonomija għall-Benesserri Tagħna

Ekonomija Ħadra li twassal għall-benesseri tagħna ma tqisx biss il-GDP u l-marġini tal-profitt. Green Vision 2050 hija mfassla fuq il-valuri ta’ ekonomija li tiproteġi n-natura u s-saħħaħ il-kwalita’ tal-ħajja tagħna. Għalhekk qegħdin nipproponu:

  1. Mira ta’ 50% ta’ enerġija ġġenerata minn sorsi rinovabbli sas-sena 2030 u xejn karbonju sas-sena 2050. 
  1. Trażżin tat-turiżmu, u żieda tat-taxxa fuqu sabiex ngħinu fir-riġenerazzjoni urbana, filwaqt li noħolqu impjiegi ta’ kwalità f’dan is-settur minflok impjiegi bi ħlas baxx.
  1. Trażżin tas-settur tal-gaming, li huwa biss ewfemiżmu għal logħob tal-azzard.
  1. Li ninvestu sabiex bastimenti li jtajru l-bandiera Maltija joperaw b’mod effiċjenti, b’anqas emissjonijiet u tniġġis, bi fjuwils nodfa u sostenibbli.
  1. Effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, ekonomija ċirkolari, u allokazzjoni ta’ carbon budgets fis-setturi tal-ikel, enerġija u trasport sabiex innaqqsu l-impatt fuq il-klima. 
  1. Insaħħu setturi li mhux esklussivament kummerċjali bħal servizzi soċjali u koperattivi. 

Pilastru Aħdar 2: Lil hinn mis-Suq. Servizzi Pubbliċi li jsaħħu l-Benesseri Tagħna

Sabiex il-benesseri tal-individwu jiġi l-ewwel, Green Vision 2050 jipproponi:

  1. Li nsaħħu is-servizz tas-saħħa, l-għajnuna soċjali u t-trasport. 
  2. Li nnaqqsu d-dipendenza tagħna fuq il-karozzi u noqorbu lejn il-mudell ta’ 15-minute cities, fejn is-servizzi essenzjali bħal ma huma kliniċi, skejjel u ħwienet ikunu aċċessibbli faċilment bil-pass jew bir-rota. Dan jista’ jsir billi nagħtu appoġġ sħiħ lil stabbilimenti żgħar fil-kommunita’.
  3. Toroq pjaċevoli b’infrastruttura maħsuba sabiex tikkontrolla l-għargħar bħar-rain gardens u bankini li jassorbu l-ilma. 
  4. Strateġija integrata sabiex jintlaħaq l-għan ta’ housing affordabbli għal kulħadd. Jinħtieġ li nidiżinċentivaw il-ħażna ta’ assi rieqda. 

Pilastru Aħdar 3: Lilhinn mill-individwaliżmu. Insaħħu l-Komunità u l-Edukazzjoni

Id-dokument Vision 2050 iħares lejn l-edukazzjoni bħala fabbrika li tipproduċi ħaddiema skond l-esiġenzi tal-ekonomija. Min-naħa l-oħra, Green Vision 2050 jipproponi Edukazzjoni ħolistika, li tippromwovi ħsieb ħieles u kritiku, b’emfasi anqas fuq il-kontenut, b’metodoloġija parteċipatorja u li tipprovdi l-għodda meħtieġa sabiex l-istudent jieħu sehem bis-sħiħ fil-proċessi demokratiċi tas-soċjetà. Niproponu edukazzjoni li ssawwar individwi li kapaċi jittrasformaw is-soċjeta’ f’waħda aktar ġusta. Nipproponu li l-edukazzjoni għandha tgħin lill-istudent jiżviluppa l-aspett uman tiegħu u toffri korsijiet li jolqtu l-interessi tal-istudenti kollha. Green Vision 2050 jipproponi opportunitajiet ta’ edukazzjoni informali fil-komunità, b’ħidma ma’ entitajiet varji u NGOs. 

Pilastru Aħdar 4: Lil hinn mir-Regħba. Nipproteġu l-Ambjent

Green Vision 2050 jipproponi l-ħarsien tal-ambjent għalina u għal ġenerazzjonijiet futuri. Għalhekk hemm bżonn aktar art protetta, hemm bżonn li nħawlu aktar siġar indiġeni, li nrażżnu l-iżvilupp u li nnaqsu l-emissjonijiet tal-karbonju. Hemm bżonn li niġġeneraw anqas skart, nipproteġu l-ekosistemi tagħna u li nagħmlu użu għaqli tar-riżorsi tal-ilma. 

L-industrija tal-kostruzzjoni għandha timmira sabiex nirrestawraw bini eżistenti u sabiex inżidu l-effiċjenza enerġetika. 

Permezz tad-dokument Green Vision 2050, ADPD jisħaq li hemm bżonn li nibdlu l-perspettiva tagħna minn fuq s’isfel, mhux biss lokalment iżda anke fuq skala Ewropeja. Hemm bżonn strateġija ġdida sabiex il-progress li nagħmlu jkun progress tassew, li jissarraf f’ġid komuni. 

FacebookEmail