Viżjoni 2050 Alternattiva: Viżjoni Ħadra

Ralph Cassar

Ir-raġunament li fuqu huwa bbażat id-dokument tal-gvern Viżjoni 2050 huwa wieħed ta’ tkabbir ekonomiku akkost ta’ kollox. Il-fatt li prattikament mill-ewwel l-Oppożizzjoni Parlamentari Nazzjonalista, kif ukoll oħrajn li jgħidu li huma ‘ċentristi’ u għaqdiet tan-negozju appoġġjaw dil-viżjoni, jixhed kemm dan ir-raġunament huwa magħġun sew f’kif il-partiti preżentament fil-Parlament iħarsu lejn l-ekonomija.

Huwa ċar kristall li minkejja l-frażijiet sbieħ użati ‘l hemm u ‘l hawn fid-dokument, Viżjoni 2050 ma tantx huwa xi dokument viżjonarju. Id-dokument huwa bbażat fuq fehma ekonomika li ma tirrispettax lill-ekoloġija, u għaldaqstant ma tirrispettax lanqas lill-bniedem, la lill-ġenerazzjonijiet tal-lum u lanqas lil dawk ta’ għada. Hija mentalità li twassal għall-użu insostenibbli tal-art u tar-riżorsi f’pajjiżna. Mentalità li twassal għall-abbuż tal-baħar, bit-tniġġis minn industriji multimiljunarji, bħall-irziezet tat-tonn. Huwa dan li jġib it-tkabbir ekonomiku bla kontroll, u dan huwa biss eżempju wieħed.

Id-dokument jinjora materji ta’ natura fundamentali fosthom il-bidla fil-klima, l-użu tar-riżorsi skarsi bħall-ilma, sorsi ta’ enerġija, u l-art, u huwa bbażat fuq il-mit tat-tkabbir bla rażan u akkost ta’ kollox. Il-Viżjoni 2050 taddotta l-idea li r-riga ekonomika waħedha (GDP) mhux suffiċjenti biex tkejjel il-progress. Tajjeb, fl-ahhar. Iżda fl-istess nifs, il-miri ddikjarati huma kważi esklussivament iffukati biex jgħollu l-Prodott Gross Domestiku u jinjoraw l-benesseri u l-kwalità tal-ħajja. Jew inkella hemm l-idea li l-benesseri huwa marbut biss mad-dħul tal-individwi. Id-dokument jiffoka fuq is-servizzi finanzjarji, l-avjazzjoni, il-gaming u l-manifattura ‘high-end’ mingħajr ma jsemmi kif dawn is-setturi se jilħqu l-mira ta’ żero-karbonju. Ma hemm xejn dwar kif se jimxu lilhinn minn miri short-term li jagħmlu ħsara lis-soċjetà u lill-ambjent. Lanqas ma nsibu evalwazzjoni ta’ liema setturi huma inkompatibbli mal-miri tal-klima u wkoll mal-prinċipji tal-ġustizzja soċjali. Id-dokument jevità li jsaqsi l-mistoqsijiet id-diffiċli. Din x’viżjoni hi?

Dwar it-turiżmu Viżjoni 2050 tkompli tħajjar tkabbir fin-numri ta’ turisti, u tagħti x’tifhem li għandha ssir reklamazzjoni ta’ mhedded kbar ta’ art mill-baħar għall-ispekulazzjoni. Id-dokument jinjora kompletament il-bżonn li nnaqsu l-użu ta’ riżorsi lokali kif ukoll riżorsi (u allura tniġġis) impurtati. Lanqas ma tħares lejn riformi fit-tassazzjoni biex niffavorixxu kumpaniji li jissodisfaw kriterji soċjali, ekoloġiċi, demokratiċi u ekonomiċi li jippromwovu l-benesseri soċjali u ambjentali. Hija tassew sfortuna li l-mentalità għadha li t-tniġġis u l-impatti tal-ekonomija fuq in-nies u fuq l-ambjent  jitqiesu bħala xi ħaġa li msejħa ‘externality’, fejn il-profitt isir mis-sidien, u l-impatti terfagħhom u tħallas għalihom is-soċjetà.

Id-dokument jevità li jsaqsi l-mistoqsijiet id-diffiċli. Din x’viżjoni hi?

Viżjoni 2050 alternattiva għandha tkun Viżjoni Ħadra, bbażata fuq ir-realtà nnegabbli li l-bniedem hu parti integrali mill-ambjent naturali u li allura jeħtieġ li l-ħidma kollha tagħna tkun f’armonija mal-wirt naturali li baqa’. Jeħtieġ li nfittxu illi nirrestawraw kull fejn saret il-ħsara, mhux biss minn dawk li ġew qabilna imma ukoll issa f’dawn iż-żminijiet. Il-Viżjoni Ħadra tagħna hija bbażata fuq dawn il-prinċipji: il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja; il-ġustizzja soċjali u ekoloġika; il-limiti naturali tad-dinja (u tal-pajjiż); l-effiċjenza u suffiċjenza fl-użu tar-riżorsi; u fuq il-governanza tajba, fejn l-ekonomija hija gwidata minn istituzzjonijiet kontabbli li jfittxu l-interessi komuni kemm tal-ġenerazzjonijiet tal-lum, kif ukoll dawk tal-futur.

L-isfida prinċipali li qed niffaċċjaw tibqa’ l-bidla fil-klima, u magħha l-kriżi tal-bijodiversità. M’hemmx ekonomija b’saħħitha mingħajr dinja b’saħħitha. Fid-dinja tal-lum 61 persuna għandhom ġid daqs kemm għandhom l-ifqar 50% tal-popolazzjoni dinjija. Din hija riċetta għal politika estremista, gwerer u problemi oħra. F’Malta jekk inħarsu lejn indikaturi soċjali, n-nies f’riskju ta’ faqar kif ukoll ta’ esklużjoni soċjali fl-2024 laħqu 19.7% tal-popolazzjoni. Għandna ekonomija mibnija fuq l-ispekulazzjoni tal-art, fuq industrija tat-turiżmu li fil-fatt hija wkoll spekulazzjoni tal-art, u fuq setturi oħra li jagħmlu l-profitti għax iħallsu pagi baxxi. Dan huwa rifless fi statistika tal-Eurofond (2021) li wera li bejn l-2010 u l-2017 l-aktar 5% sinjuri tal-popolazzjoni Maltija żiedet il-ġid tagħha minn 33% għal 40% tal-ġid tal-pajjiż. 

Il-Viżjoni Ħadra tagħna hija viżjoni li tħares lilhinn mit-tkabbir ekonomiku kif imkejjel mill-Prodott Gross Domestiku. Ironikament b’dal-kejl, jekk jimirdu aktar nies u allura jixtru aktar mediċinali, jew jekk jinħaraq aktar fuel li jniġġes, per eżempju, dan jiġi reġistrat bħala ‘tkabbir’ għax jiżdiedu l-profitti għal xi setturi, avolja tbati s-soċjetà. Hemm bżonn niddiskutu fil-fond riforma tas-sistema finanzjarja u ta’ tassazzjoni biex jitkisser iċ-ċiklu ta’ profitti malajr akkost ta’ kollox u ta’ kulħadd. Minflok is-sistema għandha tħajjar investiment fit-tul. Viżjoni Ħadra tara li setturi essenzjali bħal l-enerġija, l-ilma, l-biedja u t-trasport, kollha dipendenti fuq is-servizzi li ttina n-natura, jitmexxew fuq prinċipji ekoloġiċi biex jitnaqqas l-impatt tagħhom fuq il-klima, fuq l-ambjent naturali u fl-aħħar mill-aħħar fuqna stess.  

Mhux biżżejjed diskussjoni fuq kif jinġabar l-iskart, bħallikieku dan jisparixxi fix-xejn waħdu. Viżjoni Ħadra tesiġi ċirkolarità fl-użu tar-riżorsi, b’miri ċari u inċentivi u diżinċentivi biex pajjiżna jasal għal żero-tniġġis, żero-skart u użu bilgħaqal tar-riżorsi. Ħela ta’ riżorsi jfisser esportazzjoni tal-ġid ‘il barra mill-pajjiż. L-ekonomija tiddependi fuq varjetà ta’ negozji żgħar u medji, u għandu jkun hemm politika speċifika biex issostni koperattivi, u forom ta’ attività ekonomika li sseddaq il-ġid komuni. Irridu ekonomija li żżid l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fit-tmexxija u li tippremja investimenti fit-tul fuq l-ispekulazzjoni tas-swieq finanzjarji. Viżjoni serja u fit-tul ma tistax ma tikkunsidrax bis-serjetà liema oqsma ekonomiċi mhumiex sostenibbli u tippjana għall-phasing out ta’ dawn is-setturi. Ma nistgħux nibqgħu nissussidja setturi ta’ ħsara għall-ambjent u għan-nies. Għandna nħarsu kif nintaxxaw l-akkumulazzjoni esaġerat tal-ġid, u nippremjaw ix-xogħol, biex nimbuttaw riżorsi finanzjari għal investimenti soċjali u ekoloġiċi.

Il-kunċetti ta’ ġid u prosperità hemm bżonn li jkunu marbuta mal-kunċetti tas-sostenibbiltà u tal-ġustizzja. Irridu nimxu lilhinn mill-idolatrija ta’ kunċetti bħal “tkabbir”, “kompetizzjoni” u “innovazzjoni” bħala xi għanijiet aħħarin. Minflok dawn għandhom ikunu biss għodda biex tinkiseb kwalità tal-ħajja aħjar li tirrispetta l-limiti imposti fuqna min-natura nnifisha. Irridu bil-fatti ekonomija miżżewġa ma’ ġustizzja soċjal, ekoloġika u ugwaljanza. Biex naslu jenħtieġ diskussjoni fonda u bis-serjetà, mhux dokumenti li jkomplu jikkonfermaw l-istatus quo.

Ippublikat l-ewwel fil-gazzetta Illum – 07/09/2025

Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali ADPD-The Green Party

FacebookEmail