PROTESTA FUQ IT-TNIĠĠIS MILL-IRZIEZET TAT-TONN 24.08.2025
DISKORS TAĊ-CHAIRPERSON TA’ ADPD-THE GREEN PARTY, U KUNSILLIERA F’ SAN PAWL IL-BAĦAR SANDRA GAUCI
Waqt li kont qed nirriċerka u naqra dwar il-fish farms u l-konsegwenzi tagħhom, ninzerta video ta’ drenaġġ ħiereġ minn hotel li probabbli kien il-kaġun li l-bajja kollha tal-Qawra ġiet off limits għall-għum għax l-ilma kkontaminat. Prattikament, bejn concessions, lidos, drenaġġ u slime, għandna xorti baqgħalna fejn ngħumu. Jalla l-awtoritajiet isibu l-kaġun ta’ din il-ħsara. Il-baħar tal-Qawra ma kkontaminax ruħu waħdu. Il-kriminali ambjentali jridu jħallsu qares għal għemilhom għax kieku l-affarijiet saru sew, ma ninsabux f’din is-sitwazzjoni.
Ġejna hawn għax ilkoll xbajna mill-islime jeħel mal-ħwejjeġ tagħna, ma’ xagħarna, ma’ ġisimna. Kien hemm professur li biex mingħalih jgħaddini biż-żmien qalli li dik tajba għall-ġilda. Kemm ilhom jeżistu l-fish farms, f’Malta bdejna naraw il-fenomenu tal-islime. Qabel konna drajna bil-bram u d-drenaġġ. Imma kif jgħidu, fuq tlieta toqgħod il-borma. Hemm bżonn li dawn l-operaturi jinvestu bis-serjeta’ biex l- islime ma jersaqx lejn il-kosta. Milli jidher flus għandhom għax skond iċ-ċifri, Malta hi fost l-aktar pajjizi fl-Ewropa li tagħmel qliegħ mis-settur li jammonta ghal 1% tal Prodott Gross domestiku. Ma naħsibx li se jfallu billi jinvestu f’metodi aktar effikaċi biex ir-residenti tal-madwar ma jiġux affettwati. Nixtieq inkun naf kemm f’Santa Marija sar telf ta’ negozju minħabba l-islime. Hija festa li niċċelebraw ta’ kull sena; faċli wieħed iqabbel sena ma’ oħra. Min se jagħmel tajjeb għal dan? Apparti minn hekk, aħna r-residenti spiċċajna mmorru d-dar ninħaslu biex neħilsu mill-islime, flok inqattgħu ġurnata l-baħar bħal ma dejjem għamilna.F’dawn l-aħħar snin, l-islime sar tradizzjoni għalina. Imma din mhix tradizzjoni li aħna kburin biha.
Minn hawn nixtieq nirringrazzja lis-Sur Martin Bugelli li tista’ tgħid waħdu kixef is- sors tal-islime – allavolja skond is-Sur Charlon Gouder hemm diversi fatturi li jwasslu għall-islime. Lanqas biss laħaq spiċċa s-sentenza li l-federazzjoni ma waqqgħatlux kliemu u ammettiet li l-islime verament kien ġej mill-fish farms. Donnu t-tonn ma tantx iġiblu luck lil Gouder. Saqsu lin-nies ta’ Birżebbuġa u kemm tħabatna u baqa’ jmeri.
Skond l-NSO fl-2023 għal 143 gaġġa intefqu biss €120 000 għal monitoraġġ ambjentali. Dan ifisser li għal kull gaġġa, intefqu biss €839 fis-sena. Dan daħq fil-wiċċ. Jekk jitqammlu f’dawn l-affarijiet, jistgħu jagħlqu u jsibu business iehor. Din is-somma hemm bżonn li tiżdied sew. Din is-somma turi biċ-ċar li għal dawn in-nies, l-ambjent marittimu hu biss riżors li minnu jagħmlu l-qliegħ, imma x’jitmejlu mill-ħsara li qegħdin jagħmlu? Biex taparsi qegħdin jagħmlu xi ħaġa, bagħtu tnejn min-nies b’daqsxejn ta’ kopp u barmil! Imqar kellhom par ingwanti! Għadna daqshekk lura? Qed nitolbu investiment serju għax €839 fis-sena għal kull gaġġa, kif jgħidu bl-Ingliż – don’t make the cut.
Anke l-Arċisqof ikkummenta dwar dan il-fenomenu biex taraw li litteralment qażżu ‘l kulħadd ukoll. Donnu kulma jmissu jinten għax ftit tal-jiem ilu, ħarġet l-aħbar li €650,000 spiċċaw f’idejn il-mafia Taljana mislufa lilhom minn fish farms Maltin. Qed nitolbu li jsiru l-kontrolli meħtieġa fuq l-għalf tal-ħut; u li jsiru l-verifiki li l-fish farms jinsabu distanza adekwata ‘l-bogħod mill-kosta u li jkun hemm finanzjament qawwi u serju biex l-islime ma jersaq qatt lejn ix-xatt. Jekk dawn ma jseħħux, għalija jistgħu jagħlqu. Grazzi.





