Illum, Sandra Gauci, Chairperson ta’ ADPD-The Green Party irreferiet għall-mod kif il-gvern biddel diskussjoni dwar viżjoni fit-tul għal Malta fi spettaklu superfiċjali minflok f’diskussjoni profonda u serja. “Il-gvern għadu kif nieda l-Viżjoni 2050 b’ħafna fanfarunati. Il-verità hi li minkejja l-istampi sbieħ u ċ-ċerimonji m’hemm l-ebda sforz veru ta’ bidla fil-premessi bażiċi tal-politika tal-gvern lejn soċjetà fejn il-benesseri tiġi l-ewwel. Il-Viżjoni 2050 irrendiet ruħha f’wishlist egoistika ta’ lobbies b’saħħithom. ADPD-The Green Party ħa sehem fil-konsultazzjoni pubblika u ssottometta dokument bil-prinċipji li fuqhom nemmnu li għandu jimxi l-pajjiż. Filwaqt li l-Ministru Schembri ftaħar bil-konsultazzjoni, lanqas kellu d-diċenza li jiddiskuti l-proposti tal-partit. Din hija l-konsultazzjoni li jiftaħar biha l-gvern – mal-lobbies tas-soltu li jridu business as usual.”
Id-dokument sħiħ sottomess minn ADPD-The Green Party bi tweġiba għas-sejħa għal konsultazzjoni pubblika diġà ippubblikajnieh u jista’ jinqara hawn: https://adpd.mt/mhux-kull-ma-jleqq/
Il-viżjoni tal-gvern hija bbażata fuq fehma ekonomika li ma tirrispettax lill-ekoloġija, ma tieħux in konsiderazzjoni l-isfida kemm soċjali, ekoloġika u ekonomika tal-bidla fil-klima, u għaldaqstant ma tirrispettax lanqas lill-bniedem, la lill-ġenerazzjonijiet tal-lum u lanqas lil dawk ta’ għada. Hija mentalità li twassal għall-użu insostenibbli tar-riżorsi ta’ pajjiżna. Mentalità li twassal għall-abbuż kontinwu, bhalma qed isir mill-baħar, bit-tniġġis minn industriji multimiljunarji, bħall-irziezet tat-tonn.
Il-Viżjoni 2050 taddotta l-idea li r-riga ekonomika waħedha (GDP) mhux suffiċjenti biex tkejjel il-progress. Tajjeb, fl-ahhar. Fl-istess nifs, imma, il-miri ddikjarati huma kważi esklussivament iffukati biex jgħollu l-Prodott Gross Domestiku u jinjoraw l-benesseri u l-kwalità tal-ħajja. Jew inkella hemm l-idea li l-benesseri huwa marbut biss mad-dħul tal-individwi. Id-dokument jiffoka fuq is-servizzi finanzjarji, l-avjazzjoni, il-gaming u l-manifattura ‘high-end’ mingħajr ma jsemmi kif dawn is-setturi ser jilħqu l-mira ta’ żero-karbonju.
Dwar it-turiżmu Viżjoni 2050 tkompli tħajjar tkabbir fin-numri ta’ turisti, u tagħti x’tifhem li għandha ssir reklamazzjoni ta’ mhedded kbar ta’ art mill-baħar għall-ispekulazzjoni. Id-dokument jinjora kompletament il-bżonn li nnaqsu l-użu ta’ riżorsi lokali kif ukoll riżorsi (u allura tniġġis) impurtati. Lanqas ma tħares lejn riformi fit-tassazzjoni biex niffavorixxu kumpaniji li jissodisfaw kriterji soċjali, ekoloġiċi, demokratiċi u ekonomiċi li jippromwovu l-benesseri soċjali u ambjentali. Hija tassew sfortuna li l-mentalità għadha li t-tniġġis u l-impatti tal-ekonomija fuq in-nies u fuq l-ambjent jitqiesu bħala xi ħaġa li msejħa ‘externality’, fejn il-profitt isir mis-sidien, u l-impatti terfagħhom u tħallas għalihom is-soċjetà.
Il-Viżjoni Ħadra li ADPD-The Green Party tmexxi ‘l quddiem hija bbażata fuq il-benesseri u l-kwalità tal-ħajja; il-ġustizzja soċjali u ekoloġika; il-limiti naturali tad-dinja (u tal-pajjiż); l-effiċjenza u suffiċjenza fl-użu tar-riżorsi; u fuq il-governanza tajba, fejn l-ekonomija hija gwidata minn istituzzjonijiet kontabbli li jfittxu l-interessi komuni kemm tal-ġenerazzjonijiet tal-lum, kif ukoll dawk ta’ għada.
Il-Viżjoni Ħadra tħares lilhinn mit-tkabbir ekonomiku kif imkejjel mill-Prodott Gross Domestiku. Ironikament b’dal-kejl, jekk jimirdu aktar nies u allura jixtru aktar mediċina, jew jekk jinħaraq aktar fuel li jniġġes, per eżempju, dan jiġi reġistrat bħala ‘tkabbir’ għax jiżdiedu l-profitti għal xi setturi, avolja tbati s-soċjetà. Hemm bżonn niddiskutu fil-fond riforma tas-sistema finanzjarja u ta’ tassazzjoni biex jitkisser iċ-ċiklu ta’ profitti malajr akkost ta’ kollox u ta’ kulħadd. Minflok is-sistema għandha tħajjar investiment fit-tul. Viżjoni Ħadra tara li setturi essenzjali bħal l-enerġija, l-ilma, l-biedja u t-trasport, kollha dipendenti fuq is-servizzi li ttina n-natura, jitmexxew fuq prinċipji ekoloġiċi biex jitnaqqas l-impatt tagħhom fuq il-klima, fuq l-ambjent naturali u fl-aħħar mill-aħħar fuqna stess.
L-ekonomija tiddependi fuq varjetà ta’ negozji żgħar u medji, u għandu jkun hemm politika speċifika biex issostni koperattivi, u forom ta’ attività ekonomika li sseddaq il-ġid komuni. Irridu ekonomija li żżid l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fit-tmexxija u li tippremja investimenti fit-tul fuq l-ispekulazzjoni tas-swieq finanzjarji. Viżjoni serja u fit-tul ma tistax ma tikkunsidrax bis-serjetà liema oqsma ekonomiċi mhumiex sostenibbli u għandha tippjana għall-phasing out ta’ dawn is-setturi. Ma nistgħux nibqgħu nissussidjaw setturi li huma ta’ ħsara għall-ambjent u għan-nies. Għandna nħarsu kif nintaxxaw l-akkumulazzjoni esaġerat tal-ġid, u nippremjaw ix-xogħol, biex nimbuttaw riżorsi finanzjari għal investimenti soċjali u ekoloġiċi.
Irridu nimxu lilhinn mill-idolatrija ta’ kunċetti bħal “tkabbir”, “kompetizzjoni” u “innovazzjoni” bħala xi għanijiet aħħarin. Minflok dawn għandhom ikunu biss għodda biex tinkiseb kwalità tal-ħajja aħjar li tirrispetta l-limiti imposti fuqna min-natura nnifisha. Irridu bil-fatti ekonomija mżewġa ma’ ġustizzja soċjali, ġustizzja ekoloġika u ugwaljanza. Biex naslu jenħtieġ diskussjoni profonda u bis-serjetà, mhux waħda artificjali b’dokumenti u spettakli li jkomplu jikkonfermaw l-istatus quo.


