Rispett u awtonomija fil-qasam tal-kreattività u l-kultura

Il-kultura u l-arti mhumiex skuża għal propaganda tal-ministri u l-aġenziji tal-gvern. Huma l-qalba tal-identità tagħna bħala pajjiż fis-sens wiesa’ tagħha, spazju ta’ libertà kreattiva u mezz biex is-soċjetà tifhem lilha nnifisha. Pajjiż li jinjora lill-artisti u l-kreattivi tiegħu jew li jittrattahom bħala aċċessorju għall-marketing politiku jkun qed iċaħħad lilu nnifsu mill-immaġinazzjoni, mill-kritika u mill-innovazzjoni li tant għandu bżonn.

Il-politika kulturali trid tkun ibbażata fuq dawn il-prinċipji wkoll: indipendenza, ġustizzja, parteċipazzjoni u rispett lejn il-ħaddiema kulturali.

Il-kandidat ta’ ADPD fuq it-tnax u t-tlettax il-distrett u kelliem għall-partit Luke Caruana qal: Illum hemm wisq artisti u kreattivi li jħossuhom emarġinati, waqt li fondi u pjattaformi kulturali ħafna drabi jintużaw biex isaħħu l-immaġni tal-politiċi. Il-Kunsill Malti għall-Arti għandu jkun strument għall-iżvilupp kulturali tal-pajjiż u għall-appoġġ tal-kreattività indipendenti, mhux mezz ta’ promozzjoni indiretta ta’ ministri u tal-gvern. Meta attivitajiet kulturali jsiru opportunità ta’ publiċità għall-politiċi flok investiment serju fil-komunità artistika, titlef il-kultura u titlef ukoll il-fiduċja fis-sistema.

Il-proposti fil-manifest tagħna jisħqu li l-industriji kreattivi għandhom ikunu trattati bħala pilastru importanti tal-iżvilupp sostenibbli ta’ Malta, mhux biss bħala settur li jipproduċi divertiment, imma bħala spazju ta’ espressjoni, innovazzjoni u ħsieb kritiku.

Ħafna artisti Maltin għadhom jaffaċċjaw kundizzjonijiet diffiċli: pagi baxxi, nuqqas ta’ fondi adegwati għall-ispejjeż li jiffaċċjaw illum il-ġurnata, u nuqqas ta’ rispett lejn il-professjoni artistika. Għad hemm mentalità li tqis lill-artist bħala persuna li qed tagħmel “hobby” u mhux xogħol serju. Din il-mentalità trid tinbidel. L-artisti għandhom ikunu rikonoxxuti bħala ħaddiema kulturali li jagħtu kontribut konkret lis-soċjetà u lill-ekonomija.

Il-proposti tagħna:

  • M’għandux ikun hemm indħil politiku eċċessiv fil-finanzjament tal-arti, speċjalment meta suġġetti jitqiesu kontroversjali jew sensittivi wisq. Soċjetà demokratika u matura ma tistax tibża’ mill-espressjoni artistika. L-arti għandha tkun spazju ħieles fejn il-ħsieb kreattiv jista’ jiffjorixxi mingħajr ċensura indiretta jew pressjoni politika.
  • Fis-settur tal-films, irridu mmorru lil hinn mill-idea li Malta għandha tkun biss post ta’ servizz għal produzzjonijiet barranin. Id-deċiżjonijiet kreattivi għandhom jibqgħu f’idejn talent Malti u l-ħaddiema lokali għandhom jingħataw opportunitajiet reali f’pożizzjonijiet kreattivi ewlenin bħall-kitba, il-fotografija u d-direzzjoni artistika. Il-produzzjonijiet barranin li jibbenefikaw minn skemi ta’ għajnuna għandu jkollhom l-obbligu li jħarrġu u jimpjegaw professjonisti kreattivi  Maltin.
  • Il-kultura hija marbuta wkoll mal-ippjanar urban u mal-kwalità tal-ħajja. Il-manifest jitkellem dwar il-belt ta’ 15-il minuta, fejn il-komunitajiet ikollhom aċċess qrib id-dar mhux biss għal servizzi essenzjali, iżda wkoll għal esperjenzi kulturali. Dan ifisser lokalitajiet aktar ħajjin, b’aktar spazji pubbliċi, attivitajiet kulturali u komunitajiet aktar magħquda. Il-gvern għadu jagħżel hu, per eżempju, liema attivitajiet kulturali fil-lokalitajiet jiġu finanzjati, li ħafna drabi jkunu dejjem l-istess ħaġa sena wara oħra. Anke hawn irridu aktar awtonomija lir-reġjuni u lill-Kunsilli Lokali.
  • Indipendenza vera għall-Kunsill Malti għall-Arti. Ħatriet trasparenti u pubbliċi fil-bordijiet u fil-ġuriji, ibbażati fuq kompetenza u esperjenza kulturali, mhux fuq il-lealtà politika.
  • Finanzjament ġust u aċċessibbli. Sistema ta’ fondi li tagħti prijorità lill-artisti, lill-kollettivi kulturali u lill-proġetti komunitarji, speċjalment dawk indipendenti u emerġenti.
  • Status professjonali għall-artisti. Rikonoxximent tal-ħidma artistika bħala xogħol veru, b’kundizzjonijiet diċenti, protezzjoni soċjali u aċċess għal pensjoni u benefiċċji. Il-kunċett ta’ Dħul Bażiku Universali jista’ jiġi implimentat bħala proġett pilota fost il-komunità kreattiva.
  • Spazji kulturali miftuħa u aċċessibbli. Bini pubbliku vojt għandu jinbidel fi studios, spazji għall-wirjiet, teatru u hubs kreattivi għall-komunitajiet lokali.
  • Kultura deċentralizzata. Investiment serju fil-kultura f’Għawdex u fir-reġjuni u lokalitajiet kollha, mhux biss fil-Belt Valletta jew f’avvenimenti li jagħżlu xi ministeru jew segretarjat parlamentari.
  • L-Edukazzjoni kreattiva tingħata aktar importanza u appoġġ. Aktar investiment fl-arti, mużika, teatru u media literacy fl-iskejjel biex il-kreattività ma tibqax meqjusa bħala xi ħaġa ‘mhux importanti’.
  • Libertà artistika u spazju għall-kritika. L-istat għandu jiffinanzja l-kultura mingħajr ma jipprova jikkontrolla n-narrattiva artistika jew jippremja biss lil min hu qrib il-poter.
  • Kultura u sostenibbiltà. Il-politika kulturali għandha tkun marbuta ma’ kwalità ta’ ħajja aħjar, spazji pubbliċi ta’ kwalità u protezzjoni tal-wirt naturali u storiku.
FacebookEmail