Fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni Pride 2026, iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci u s-Segretarju Internazzjonali u kelliem tal-partit Mark Zerafa saħqu li d-diversità ssaħħaħna. Qalu li soċjetà b’saħħita hija soċjetà li fiha kulħadd jiffjorixxi u jikber bħala persuna sħiħa. F’dan il-punt fl-istorja huwa importanti li nkomplu nirreżistu lil min ixerred il-mibgħeda, min irid l-inugwaljanza u min jipprietka l-politika tad-diviżjoni u ta’ min jiflaħ iħawwel.
Sena wara sena, Malta kisbet klassifika mill-aqwa fir-Rainbow Map ippublikata mill-International Lesbian, Gay, Bisexual, Trans and Intersex Association (ILGA). Din tagħmlilna ġieħ. Dan hu ċertifikat mill-aqwa li bih għandna nkunu kburin għax juri li pajjiżna qiegħed jikber u jimmatura.
Id-diversità m’għadhiex tbeżżagħna. Id-diversità nħaddnuha għaliex nagħrfu li ssaħħaħ is-soċjetà tagħna. Id-diversità niċċelebrawha għaliex nagħrfu li kull bniedem għandu dritt għad-dinjità, għall-imħabba, għall-opportunitajiet u għat-tisħiħ emozzjonali, hi x’inhi l-orjentazzjoni jew l-identità tal-ġeneru. Nemmnu bil-qawwa f’soċjetà ħanina li tilqa’ lil uliedha kollha, indaqs u bl-istess mod. Għax id-drittijiet tal-komunità LGBTIQ huma drittijiet umani.
Imxejna din il-mixja flimkien u flimkien għamilna passi ta’ ġgant. Inħarsu lura u nħossuna kburin li trasformajna s-soċjetà. M’għadx fadal ħtieġa li tostor l-identità tiegħek. M’hemmx aktar bżonn li tistaħba. Tista’ b’rasek mgħollija turi min int. Tħobb lil min tixtieq. Bla xkiel. Bla ħabi. Bla mistħija. Bi kburija. Għalhekk il-Pride.
Għax il-Pride hija ċelebrazzjoni. Ċelebrazzjoni mlewna tal-kisbiet li ksibna flimkien. Hija ċelebrazzjoni tagħna lkoll. Aħna min aħna u nħobbu lil min inħobbu. Pride tfakkarna li minkejja l-ostakli li għelibna, it-taqtiegħa ma tiqafx hawn. Għad fadal battalji oħrajn x’jintrebħu. Għax il-liġi tagħtina d-drittijiet, imma l-bidla fil-kultura u l-mentalità hija gradwali u tieħu ż-żmien.
Illum nimxu flimkien għal dawk li minkejja dak li ksibna, jħossuhom li għandhom jibqgħu jistaħbew, għal xi raġuni jew oħra. Għax jibżgħu li l-ġenituri u l-ħbieb m’humiex lesti jilqgħu ir-realtà tal-identità tagħhom. Nimxu din il-mixja flimkien għal dawk f’artijiet imbiegħda, li ma jistgħux jesprimu l-imħabba u l-identità tagħhom b’mod liberu mingħajr risku ta’ kastig aħrax.
Il-mixja tagħna tkompli. Għax m’aħniex ħielsa sakemm kull wieħed u waħda minna jinħelsu.

