‘X’hemm ħażin?’ hemm min jistaqsi. Il-kunċett li ċittadinanza tinbiegħ bħala komodita huwa ħażin.
U hemm differenza kbira bejn min jiddeċiedi li jitfa’ l-ankri u jagħmel ċertu rabtiet ma’ Malta u l-komunita tal-pajjiż, anke permezz ta’ investiment fit-tul u sempliċiment bejgħ.F’dak il-każ ikun hemm l-għażla biex dak li jkun jitlob iċ-ċittadinanza, għax iħoss rabta mal-pajjiż, mhux rabta ta’ konvenjenza, ta’ transazzjoni purament finanzjarja. Wara kollox biex wieħed jiftaħ negozju jew kumpanija Malta m’hemmx għalfejn ikollu ċittadinanza Maltija. Huwa għalhekk li toħroġ il-mistoqsija ta’ x’interess ikollu xi ħadd li jrid jixtri ċittadinanza għal somma ta’ darba? Il-fatt li l-liġi għamlet dit-tip ta’ ċittadinanza transazzjoni sigrieta (għalkemm s-segretezza suppost ġiet irtirata) tixhed ħafna fuq x’tip ta’ nies kien hemm il-ħsieb li jiġu attirati.
Fatt ieħor huwa li inħolqot tip ta’ ċittadinanza għal dawk li jifilħu jħallsu filwaqt li għal min irid iċ-ċittadinanza Maltija propju għax jħoss rabta mal-pajjiż, għax jgħix u jħallas it-taxxa fil-pajjiż anke għal snin twal, dak m’għandux mezz kif jikseb iċ-ċittadinanza. Fil-liġi ta’ pajjina hemm biss id-diskrezzjoni tal-Ministru. Skont xi jfettillu.
Allura min jitwieled hawn u m’għandux ċittadinanza tal-ebda pajjiż ieħor? Min huwa de facto Malti għax fil-fatt għex ħajtu kollha Malta, tgħallem fi skejjel Maltin u jitkellem bil-Malti daqs jew aħjar minn ċittadini Maltin oħra u m’għandux flus jibqa’ jsaffar? Hekk hu, għax f’Malta m’hawn l-ebda proċedura biex min verament ħaqqu jsir Malti.
Aktar fuq is-suġġett:
http://carmelcacopardo.wordpress.com/2013/11/23/the-citizenship-bubble-of-malta/