Pajjiż mingħajr memorja huwa pajjiż miskin

Illum iċ-Chairperson ta’ ADPD Carmel Cacopardo poġġa bukkett fjuri fuq il-monument ta’ Karin Grech f’San Ġwann. Id-Deputat Chairperson Mario Mallia għamel diskors kommemorattiv waqt iċ-ċermonja qasira li saret illum.

43 sena ilu, Karin Grech inqatlet, vittma nnoċenti f’nofs konfrontazzjoni dejjiema bejn it-tobba u l-gvern fl-1977.  Kienet il-ħaruf tas-sagrifiċċju fuq l-artal tat-tpattija; tal-interessi ta xi ħadd li ħaseb li r-raġun jinkiseb bil-vjolenza.  Traġedja nazzjonali li baqgħet ferita miftuħa.  Min qatilha baqa’ mistur jgħix bil-kuxjenza tqila li ħasad il-ħajja ta’ persuna innoċenti li l-uniku ħtija tagħha kienet li nzertat it-tifla ta’ missierha.

Il-memorja.  Xi riflessjonijiet.
Is-swaba baqgħu persistenti tul is-snin jippuntaw u jixlu lil tan-naħa l-oħra.  Hekk ġara fil-każ ta’ Raymond Caruana.  Hekk ġara fil-każ ta’ Karin Grech.  Dik martri tagħna u dak il-martri tagħkom.  Għax bħallikieku, li jgħodd mhux id-demm imxerred, imma d-demm ta’ min hu.    Domna s-snin twal biex tgħallimna mod ieħor.  It-tribaliżmu politiku serva ta’ satra u ċpar li għen mhux ftit biex l-assassini li ħasdu ħajjiet innoċenti jibqgħu jinħbew.  L-alleanzi politiċi dallmu r-raġuni, aljenaw, u żammew il-verita` milli titla’ f’wiċċ l-ilma.  U l-verita` għadna ma nafuhiex.  U l-ġustizzja tibqa’ ma tistax issir.

It-traġedja hi li mill-istorja ma tgħallimniex.  Gerrbu s-snin, u l-istorja tat-tribaliżmu li jdallam kompliet tirrepeti ruħha.  Komplejna nħallu lil dawk li jirnexxihom iġibuha żewġ ma kull naħa, jagħmlu triq fil-baħar.  Iħossuhom invinċibbli.  Hemm min poġġa lilu nnifsu f’xirka esklussiva, fuq pedestal fejn iħoss li ma jista’ jmissu ħadd.  Dawn talin li jġibuha żewġ sakemm il-kumplament mehdijin f’xulxin.  U l-aljenazzjoni tribali tingrana u tiħrax u tigi saħansitra ffinanzjata mill-istess interessi.  l-importanti li ħobż l-interessi jibqa’ maħbuż.  Sadanittant, min jiflaħ l-inqas jikkrepa u jaqla’ fuq rasu; joħdulu l-ispazji miftuħa, jerdgħulu flusu, jispekulaw b’ġidu, u jmarrduh.  Il-vittma nnoċenti fil-gwerra tal-interessi terġa’ tirrepeti ruħha.

Karin Grech inqatlet għax min kellu s-saħħa, xewwex u ddemonizza.  Tan-naħa l-oħra ma baqgħux nies imma saru għadu.  Periklu Nazzjonali.  Irmixk.  Id-diskors li jingħad, darba darbtejn tlieta, idawwar perspettiva.  Isaħħan l-imħuħ. Isir il-verita`. Iċappas ħama li difficli taqilgħu.  Irawwem eġemonija.  Ikattar il-vjolenza.  Minn dak iż-żmien, il-militanza battiet kemmxejn, imma l-periklu kiber.  L-għodda tal-midja soċjali fejn id-diskors li jintqal ma jibqax fit-triq quddiem palk waqt xi meeting, imma jidħol fid-djar, fl-imħuh u l-qlub, sar xafra li tinfed iktar.  Id-diskors ta’ pajjiż full up għal min irridu u meta jaqbel lilna, jitfa’ l-madmad fuq l-innoċenti minflok fuq min qed jerdagħlhom demmhom u saħħithom.  Id-diskors sessista u vjolenti fil-konfront ta’ persuni attivisti fil-kamp oppost jixref rasu b’mod persistenti; “prostituta”, “traditur”, “għadu”, fost aġġettivi oħra.  Il-kliem vjolenti irawwem kultura ta’ vjolenza.  Xejn iktar u xejn inqas.

Ftit nesponu lit-tfal tagħna għall-istorja ta’ pajjiżna.  Bil-wisq inqas nesponuhom għall-istorja riċenti.  Nibżgħu wisq li noqorsu.  Nibżgħu minn edukazzjoni kritika, ma jmorrux ipinġuna partiġjani.  Ħallejniha għal edukaturi senstitizzati flok għaġġinniha sistematikament fil-qafas edukattiv.  Ħasra.  Għax ir-rwol tal-edukazzjoni huwa li ddawwal, mhux li tħalli kollox kif inhu.  

Dmirna llum imur lilhinn minn tifkira ta’ dan il-qtil brutali.  Imur lilhinn saħansitra minn għajta biex il-qattiel/a jitressqu quddiem il-ġustizzja. Irid ikun memorja ħajja.  Irid ikun riflessjoni. Responsabbilta` kollettiva.  Inkella, t-tifkira tibqa’ sempliċi ċerimonja.  Inkella, Karin Grech tibqa’ tinqatel kuljum.

FacebookEmail