Illum filgħaxija ġie inawgurat l-proġett tal-breakwater u l-moll f’Buġibba, San Pawl il-Baħar. Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci, li hija wkoll kunsilliera lokali f’San Pawl il-Baħar qalet:”Aħna nilqgħu b’sodisfazzjon il-moll li ġie inawgurat illum f’San Pawl il-Baħar. Nawguraw li bl-użu tat-trasport marittimu daqt ikun hemm mezz ieħor li mhux il-karozza, li bih inkunu nistgħu nivjaġġaw minn San Pawl il-Baħar lejn Tas-Sliema u anke lejn Għawdex. Għandna bżonn aktar minn dawn l-inizjattivi flimkien ma’ inizjattivi oħra għal trasport flok il-karozza, eżempju Bus Rapid Transit u rotot sikuri għar-roti u l-pedelecs. Aħna ta’ ADPD-The Green Party ilna żmien twil nitkellmu dwar il-bżonn urġenti ta’ mezzi multi-modali mifruxa bl-għan li nnaqsu l-użu tal-karozzi privati għall-ġid ta’ kulħadd. Fl-aħħar, bil-mod il-mod bdew jagħtu kas.”
