F’reazzjoni għall-aħbar li se jiġi introdott il-miscarriage leave, iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci qalet li l-bidliet proposti biex ikun introdott il-miscarriage leave, minn dak li ntqal s’issa, jidher li huma l-minimu bażiku.
“Il-bidliet fil-proposta tal-miscarriage leave mill-ewwel abbozz jidher li jagħtu l-minimu bażiku lill-koppja. Waħda mill-bidliet hi li l-koppja t-tnejn li huma se jkollhom għajnuna psikoloġika li kienet proposta li aħna semmejna wkoll. Nqisuha bħala proposta pożittiva. L-ammont sa massimu ta’ 600 Euro meta l-leave jieħduh iż-żewg partners huwa ftit wisq.”
“L-abbozz huwa progress, però hemm bżonn li l-ħlas għandu jkun ħafna aħjar. Li trid toqgħod tinkwieta fuq il-finanzi waqt tragedja bħal din hi piż fuq is-saħħa mentali. Il-fatt li l-ġranet tnaqqsu mill-ewwel proposta minn 10 għal 7 t’ijiem iqajmu dubji dwar kemm saret konsultazzjoni effettiva ma’ min jifhem fuq is-saħħa tal-mara. Nisperaw li jerġgħu jsiru r-revizjonijiet neċessarji.”

