Minn dejjem, il-PL u l-PN jilgħabu bid-distretti kif jaqblilhom

Iż-żewġ rapporti dwar it-tibdil propost fid-distretti elettorali, li ġew ippubblikati lbieraħ, kemm dak tar-rappreżentanti Laburisti bl-appoġġ taċ-Chairman tal-Kummissjoni Elettorali kif ukoll ir-rapport minoritarju ta’ dawk maħtura mill-PN, juri kemm il-PL u l-PN moħħhom biex jiġbdu lejhom, u biex jiffavorixxu l-partit rispettiv tagħhom avolja suppost iservu rwol kostituzzjonali fl-interess tal-pajjiż kollu.

Is-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD – The Green Party Dr Ralph Cassar saħaq li ż-żewġ rapporti juru b’mod ċar li kemm il-PL, kif ukoll il-PN, qed jipproponu distretti elettorali li jservu l-interessi tal-partiti rispettivi tagħhom. Qed iraqqgħu l-pannu bil-qara’ aħmar. Il-fatt jibqa’ li s-sistema elettorali, imfassla minnhom u bi qbil bejniethom, mhux tajba u hija miftuħa beraħ għal-logħob bid-distretti taż-żewġ partiti fil-Kummissjoni Elettorali. L-istorja wriet li kull darba li wieħed minnhom kien fil-gvern dejjem lagħbu bid-distretti kif kien jaqblilhom. Did-darba l-istess qed jagħmel il-Partit Laburista. F’sistema elettorali tajba l-mod kif jitqassmu d-distretti ma jagħmilx differenza għall-eżitu tal-elezzjoni.

Kull vot jgħodd, qalet Sandra Gauci, Chairperson ta’ ADPD – The Green Party. Huwa għalhekk li aħna qegħdin il-qorti dwar is-sistema elettorali, għax din hi f’kunflitt mad-drittijiet umani kif elenkati fil-Kostituzzjoni b’mod li wħud mill-voti ġabuhom ma jiswewx. Huwa għalhekk li rridu li s-sistema elettorali tkun waħda tajba, biex ma tħallix bieb miftuħ beraħ għat-taħwid tal-PL u tal-PN, b’distretti elettorali mbgħabsa, skont min imissu. Issa l-PN ikollu jbaxxi rasu, kif fil-passat kellu joqgħod il-PL. Imma t-tnejn li huma kuntenti għax jafu li meta tiġi d-daqqa tagħhom iħawdu u jimmanuvraw biex jipprova jgawdi l-partit tagħhom.

Reports in ENG:

https://www.maltatoday.com.mt/news/national/134351/adpd_pn_oppose_pl_plans_for_electoral_district_changes

https://www.independent.com.mt/articles/2025-04-02/local-news/ADPD-says-PN-and-PL-are-adjusting-electoral-districts-to-suit-their-needs-6736269032

FacebookEmail