Waqt konferenza stampa illum kelliema ta’ ADPD tkellmu dwar l-azzjoni neċessarja dwar it-tibdil fil-klima. Il-klima qegħda tinbidel b’mod mgħaġġel. L-attività tal-bniedem qiegħda titfa’ kwantitajiet enormi ta’ gassijiet serra fl-atmosfera u dawn qegħdin jikkawżaw taqlib fil-klima. Minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, għandna risponsabbilità biex nagħmlu ħiltna sabiex inrażżnu dan it-tip ta’ tniġġis mhux biss biex nikkonformaw mal-obbligi internazzjonali tagħna, imma anke għall-ġid tagħna stess.
Mhux biżżejjed li bħala pajjiż nistqarru impenn sabiex nilħqu l-miri klimatiċi miftehmin fuq livell-Ewropew, jekk fir-realtà, il-mudell ekonomiku tagħna hu ibbażat fuq tkabbir mhux sostenibbli. Il-klima qiegħda tinbidel, u dan hu diġà evidenti b’mewġiet ta’ sħana kefrin, nixfa fit-tul jew xi kultant, xita eċċessiva li twassal għal ħsara strutturali u anke teqred l-uċuħ tar-raba’. Il-bidla fil-klima globali hija mistennija li żżid il-livell tal-baħar madwarna b’effetti drastiċi fuq il-kosta u l-infrastruttura turistika, marittima u enerġetika. Il-klima qiegħda ssir aktar tropikali u għalhekk hu mistenni li jinfirex mard tropikali li m’aħniex imdorrijin bih.
Minkejja li hemm bżonn li nkomplu nersqu lejn żero karbonju, fir-realtà, Malta hi fost l-anqas pajjiżi fl-Ewropa li jiġġeneraw l-enerġija tagħhom minn sorsi rinovabbli. Ikollna ngħidu li l-miri tagħna huma baxxi u l-ambizzjoni tagħna hija fjakka.
Id-Deputat Chairperson ta’ ADPD-The Green Party u kandidat fuq distretti 7 u 11, Carmel Cacopardo qal li inutli jsir diskors dwar l-ambjent, u mbagħad kollox jibqa’ gaħddej business-as-usual, jew agħar minn hekk inkomplu naġevolaw industriji bħal dak tal-fuels fossili. Infieq fuq infrastruttura tal-fuels fossili huwa nfieq li minflok għandu jsir fit-teknoloġiji tal-lum u tal-futur bħall-greentech.
Inutli li l-parlament iddikjara emerġenza klimatika imma mbagħad l-oħrajn jibżgħu jaqbdu l-barri minn qrunu. Il-gvern jgħid mod Malta, u l-MEPs tiegħu jgħidu mod ieħor fl-UE. Minn naħa tal-PN jitkellmu qishom il-paladini tal-ambjent f’Malta u l-MEPs tiegħu fil-Parlament Ewropew jaħdmu biex iżarmaw il-Green Deal. Jagħtu l-impressjoni li għalihom l-ambjent xi erba’ fjuriet f’roundabout.
Għalina l-ambjent, il-benesseri u l-ekonomija huma parti minn sistema waħda.
Sal-2030 Malta għandha tiġġenera 50% tal-enerġija minn sorsi rinovabbli. Il-mira ta’ 25% ta’ bħalissa ma hi tal-ebda inkoraġġiment la għall-bidla meħtieġa u lanqas għal investiment iffokat.
Għalhekk konkretament qed nipproponu li:
- fil-qasam tal-kummerċ u tal-industrija, kull kumpanija kbira, inkluż il-banek, kumpaniji tal-assigurazzjoni u tas-servizzi finanzjarji jkunu obbligati li juru kif bi ħsiebhom ibiddlu l-operat tagħhom biex tintlaħaq il-mira li jsiru żero-karbonju qabel l-2050.
- kull għajnuna li tingħata lill-kumpaniji għandha tkun marbuta ma’ bidla fl-operat biex isir operat li jkun effiċjenti fl-użu tal-enerġija, mal-użu tal-enerġija rinovabbli ma’ proġetti biex jiġġeneraw l-enerġija nadifa li għandhom bżonn. Dan ikun ifisser li jsiru aktar reżiljenti u jnaqqsu l-impatt tal-varjazzjonijiet tal-prezzijiet tas-suq
Il-kelliem u kandidat tal-partit fuq distretti 1 u 9, Mark Zerafa kompla jispjega aktar proposti relatati mal-klima, fosthom:
- Għadna niddependu wisq fuq il-karozzi privati tagħna. Minflok tajna spinta lill-mezzi alternattivi ta’ trasport, komplejna nwessgħu it-toroq u noħolqu toroq ġodda. Dan mhux biss ta’ ħsara ambjentali, iżda ukoll joħloq inċertezzi ekonomiċi ladarba niddependu fuq fjuwils fossili bi prezzijiet volatili. Il-proposti tagħna dwar il-mobilità jinkludu sistema BRT u toroq u rotot sikuri għall-min jimxi, roti u pedelecs, u prijorità lit-trasport pubbliku fit-toroq.
- Malta tgawdi minn xemx matul is-sena kollha u dan jipprovdilna opportunità biex niġġeneraw enerġija nadifa mix-xemx. Nipproponu pannelli solari fuq kull binja biex kull binja tiġġenera l-enerġija li għandha bżonn. Importanti wkoll sistemi ta’ ħażna ta’ enerġija rinovabbli. Irridu naraw aktar emfasi fuq dan l-aspett. Għandna ukoll ninvestu f’enerġija ġġenerata mir-riħ u mill-mewġ u ċ-ċaqlieq tal-baħar.
- In-negozji u r-residenti jistgħu jikkoperaw flimkien bħala energy communities li jipproduċu, jaqsmu u jikkonsmaw l-enerġija rinovabbli. Dawn il-koperattivi jistgħu jgħinu sabiex isir l-aħjar użu tal-ispazju limitat tagħna billi nużaw il-bjut u spazji oħra urbana biex niġġeneraw enerġija nadifa. Din l-istrateġija tgħin ukoll biex inwieżnu lil persuni li huma ekonomikament żvantaġġati u f’riskju ta’ faqar enerġetiku.
- Hemm bżonn li jkun aċċellerat il-process li bih is-sistema ta’ distribuzzjoni tal-enerġija qed tiġġedded għal waħda moderna u li tappoġġja mudelli deċentralizzati ta’ enerġija. Dan il-mudell hu ta’ benefiċċju għall-koperattivi tal-enerġija.
- L-industrija tal-kostruzzjoni għandha tiffoka fuq riġererazzjoni ta’ bini eżistenti, u ssaħħaħ l-effiċjenza enerġetika. Din hi ukoll opportunità sabiex noħolqu impjiegi ġodda.
Hemm bżonn ta’ miri ċari u konkreti. Hemm bżonn ta’ tmexxija u politika li jieħdu l-azzjoni favur il-klima b’mid konkret. B’miżuri fjakki u nofs kedda, m’aħniex se naslu.


