Meta tagħżaq fl-ilma

Il-bieraħ kont mistieden mill-Forum Ħbieb tal-Cottonera u Flimkien għal Ambjent Aħjar biex nindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar kif fil-Cottonera hemm il-biża’ li viżjoni ser tispiċċa delużjoni.

Il-Forum huwa immexxi mill-Membru Parlamentari Laburista Stefan Buontempo.

Għall-Forum fil-konferenza tkellem Keith Caruana filwaqt li Astrid Vella tkellmet għall FAA.

Għalija r-riabilitazzjoni tal-Cottonera falliet għax iffokat esklussivament fuq l-aspett fiżiku u ma ngħatatx attenzjoni lill-qasam soċjali u ekonomiku. Filwaqt li bħalissa kulħadd ifajjar dwar kemm huwa importanti l-iżvilupp sostenibbli ftit jifhmu li dawn m’humiex tlett oqsma li tagħżel minnhom skont kemm jogħġbok. Huma tlett ingredjenti essenzjali li flimkien huma meħtieġa biex żvilupp ikun aċċettabbli.

Ir-riabilitazzjoni tal-Cottonera, u wara kollox kważi kull riġenerazzjoni fl-ibliet u l-irħula tagħna, iffokat fuq l-aspett fiżiku prinċipalment dwar issues ta’ Housing. Li ġara ġeneralment kien li problemi f’naħa ġew trasportati f’naħa jew lokal ieħor iżda f’bini ġdid.

Ir-riabilitazzjoni trid tindirizza l-issues b’mod olistiku. Hemm ħtieġa li jissewwa t-tessut soċjali. Hemm bżonn li tinbena mill-ġdid il-ħajja ekonomika. Dawn flimkien mat-titjib fiżiku jistgħu jkunu għodda addattati għar-riabilitazzjoni tal-Cottonera. Mingħajr ma jkunx hemm it-tlett ingredjenti qed nagħżqu fl-ilma.

FacebookEmail