“F’isem ADPD-The Green Party nuri appoġġ sħiħ għas-Surmast tal-iskola primarja ta’ San Ġwann li rrifjuta li jiddiskrimina għalkemm pressat jagħmel hekk minn xi ġenituri.” Dan qalitu ċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci wara rapporti fil-media dwar pressjoni minn ġenituri biex l-iskola takkomoda l-preġudizzji tagħhom fil-konfront ta’ għalliem b’esperjenza twila fis-settur minħabba l-orjentazzjoni sesswali tiegħu.
Li tiddiskrimina a bażi ta’ ġeneru u orjentazzjoni sesswali hija illegali. Avolja dan il-prinċipju huwa mnaqqax fil-liġijiet tagħna l-pregudizzju għadu ħaj u b’saħħtu u dan jingħeleb biss bl-edukazzjoni.
Li ġara fil-Kulleġġ Santa Klara huwa eżempju ta’ kemm għad baqa’ min jippretendi li jista’ jiddiskrimina u jxerred il-preġudizzji. Li ġenituri jiddeciedu li għalliem mhux tajjeb biex jgħallem fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali huwa inaċċettabbli u juri kemm għad hemm xogħol xi jsir f’dan il-kamp avolja għandna fost l-aqwa ligijiet ta’ inklużjoni għal min hu LGBTQ+. Aħna bħala ADPD-The Green Party nuru solidarjetà ma dan l-għalliem u nkomplu ntennu l-prinċipji ta’ inklussività li l-partit dejjem ħaddan.