Carmel Cacopardo jitkellem dwar l-ambjent u l-ġustizzja soċjali
Kummentarju imxandar fuq RTK nhar it-Tnejn 4 ta’ Jannar 2016
Il-ħsara ambjentali teffettwa lil kulħadd, imma b’mod speċjali tolqot iktar lil dawk li huma vulnerabbli. L-esperjenza tal-ħajja ta’ kuljum, imsaħħa bir-riċerka turi li l-agħar effetti tal-ħsara ambjentali jġarrbuhom l-aktar nies foqra. Per eżempju, n-nuqqas jew it-tniġġis tal-ilma jolqot l-iżjed lil dawk li huma l-aktar foqra, li għalihom ix-xiri ta’ flixkun ilma ħafna drabi hi spiża żejda. U meta f’diversi pajjiżi għola l-livell tal-baħar dan laqat l-ewwel lill-foqra li kienu qed jgħixu fi griebeġ mal-kosta, u li ma kellhomx iktar fejn imorru.
M’aħniex konxji biżżejjed tal-problemi li jolqtu lil dawk li huma mwarrba mis-soċjetà. Illum ma nistgħux ma nagħrfux li l-impenn ambjentali irid jieħu ukoll dimensjoni soċjali. Dan għandu jdaħħal diskors dwar il-ġustizzja fid-diskussjonijiet dwar l-ambjent, biex nifhmu dejjem iktar li l-karba tal-art hi ukoll il-karba tal-fqir. Il-ħsara ambjentali hi l-kawża ta’inġustizzja soċjali.
Flok jindirzzaw il-problemi tal-foqra uħud iwaħħlu fiż-żieda fil-popolazzjoni u jippruvaw ma jagħtux importanza lill-konsumiżmu estrem u selettiv tas-soċjetà moderna. B’hekk jippretendu li jilleġittimizzaw il-mudell ta’ distribuzzjoni tar-riżorsi li għandna llum, fejn hemm minoranza li temmen li għandha dritt tikkonsma fi proporzjon li qatt ma jista’ jiġi applikat fuq livell universali, għax il-pjaneta bilkemm l-iskart ta’ konsum bħal dan ma tkun kapaċi żżomm.
Iktar minn hekk, terz tal-ikel li nipproduċu qed jinħela: l-ikel li jintrema qed jinsteraq minn fuq il-mejda tal-fqir. Iż-żieda fil-konsum taf twassal għat-tlaqqigħ flimkien ta’ problemi marbuta mat-tinġis ambjentali, il-mezzi ta’ trasport, it-trattament tal-iskart, il-qerda ta’ riżorsi, u l-kwalità tal-ħajja.
Jeżisti “dejn ekoloġiku” bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk inqas żviluppati. Dan id-“dejn ekoloġiku” hu marbut ma’ żbilanċ fil-kummerċ b’konsegwenzi fil-qasam ekoloġiku, kif ukoll mal-użu sproporzjonat tar-riżorsi naturali storikament imwettaq minn xi pajjiżi. L-esportazzjoni ta’ xi materja prima biex tissodisfa s-swieq tal-pajjiżi industrijalizzati ħalliet warajha ħafna ħsara ambjentali, bħal, per eżempju t-tinġis bil-merkurju fil-minjieri tad-deheb jew bid-dijossidu tal-kubrit fil-minjieri tar-ram.
It-tisħin ikkawżat mill-konsum enormi ta’ xi pajjiżi għonja għandu riperkussjonijiet fl-ifqar postijiet ta’ din l-art, speċjalment fl-Afrika, fejn iż-żieda fit-temperatura flimkien man-nixfa għandha effetti diżastrużi fuq l-agrikultura.
Ma’ dan inżidu r-rimi ta’ skart tossiku f’pajjiżi li qed jiżviluppaw minn intrapriżi ibbażati f’pajjiżi żviluppati. Dawn jagħmlu fil-pajjiżi mhux żviluppati dak li m’huwiex permess li jsir f’pajjiżhom.
Ġeneralment, meta jwaqqfu l-attività tagħhom u jitilqu, iħallu warajhom ħsarat kbar umani u ambjentali, bħal qgħad, irħula bla ħajja, il-qerda ta’ ħażniet naturali, deforestazzjoni, tifqir fil-biedja u fil-merħliet tal-post, ħofor kbar, għoljiet imħarbta, xmajjar imniġġsa u xi opra soċjali li ma tiflaħx tieqaf iktar fuq riġlejha”.
Din hi s-sejħa li tagħmlilna l-art. Hi s-sejħa tal-fqir li hu ukoll misruq mill-ġid li tagħtu n-natura biex biex bih jistagħna ħaddieħor. Il-ħsara ambjentali hi l-kawża ta’ inġustizzji soċjali kbar li lkoll isiru f’isem l-iżvilupp. Għax fl-aħħar huma dawk l-iktar vulnerabbli fostna li l-iżjed iħossu l-konsegwenzi tal-qerda ambjentali li qed isseħħ madwarna. Għalhekk kull pass il-quddiem, (żgħir jew kbir), li nagħmlu biex inħarsu l-ambjent ta’ madwarna huwa pass biex innaqqsu l-inġustizzji ta’ madwarna.
(kummentarju bbażat fuq il-paragrafi 48 sa 51 tal-enċiklika Laudato Sì tal-Papa Franġisku)