Waqt konferenza stampa illum, ADPD-The Green Party saħaq li Malta ma tistax tibqa’ titmexxa b’politika li tqis l-art, il-baħar u l-bijodiversità bħala riżorsi bla limitu. L-ambjent huwa l-bażi tal-kwalità tal-ħajja tagħna u għandu jkun protett b’responsabbiltà lejn il-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada.
Iċ-Chairperson u kandidata fuq distretti 6 u 12 Sandra Gauci, u l-kelliem u kandidat fuq distretti 1 u 9 Mark Zerafa qalu li Malta llum saret “żona waħda ta’ kostruzzjoni”, b’permessi li qed jinħarġu bla waqfien filwaqt li l-Awtorità tal-Ippjanar qed tiffunzjona aktar bħala “fabbrika tal-permessi” milli bħala gwardjan tal-ġid komuni.
Il-partit enfasizza li politika ambjentali serja trid tkun ibbażata fuq il-prevenzjoni tal-ħsara u mhux biss fuq it-tiswija tagħha wara li ssir. Dan ifisser bidla ċara fil-prijoritajiet nazzjonali favur ippjanar sostenibbli, protezzjoni tal-kosta u l-bajjiet, mobilità nadifa, aktar spazji miftuħa u ħarsien tal-bijodiversità.
ADPD ressqet dawn il-proposti ewlenin:
- Revizjoni sħiħa tal-pjani lokali biex l-użu tal-art ikun ibbażat fuq kriterji ambjentali u klimatiċi ċari. Eżempju wieħed hija li rridu pjan serju biex il-bini kollu jiġġenera l-enerġija li għandu bżonn.
- Jitħassar darba għal dejjem tal-pjan ta’ razzjonalizzazzjoni tal-2006 u riklassifikazzjoni bħala ODZ tal-art kollha li għadha ma ġietx żviluppata.
- Waqfien għall-ħruġ bla kontroll ta’ permessi għal żvilupp massiv u supermarkets li qed ikomplu joħolqu traffiku u jagħmlu ħsara lill-komunitajiet.
- Politika favur lokalitajiet aktar ħajjin fejn is-servizzi essenzjali jkunu qrib ir-residenti sabiex tonqos il-ħtieġa tal-użu tal-karozza privata.
- Investiment serju fil-mobilità sostenibbli biex tonqos il-polluzzjoni tal-arja u l-mard respiratorju marbut mat-traffiku.
- Protezzjoni aktar b’saħħitha tal-art agrikola u waqfien għal proġetti ta’ twessiegħ ta’ toroq li jeqirdu r-raba’.
- Protezzjoni tal-ġonna privati li jservu ta’ pulmun aħdar fil-lokalitajiet tagħna.
- Żieda sostanzjali ta’ spazji miftuħa aċċessibbli għal kulħadd bħala parti essenzjali mill-infrastruttura tal-kwalità tal-ħajja.
- Assigurazzjoni li l-investiment pubbliku fi spazji miftuħa jkun parti minn viżjoni fit-tul li terġa’ tintegra n-natura fil-ħajja ta’ kuljum.
- Protezzjoni effettiva tal-bajjiet u tal-kosta kontra l-kummerċjalizzazzjoni u l-isfruttament żejjed, b’infurzar sħiħ tal-liġi tad-Dimanju Pubbliku sabiex il-kosta tibqa’ aċċessibbli għal kulħadd.
- Ħarsien aħjar tal-ekosistemi marini, inkluż miżuri kontra t-tniġġis tal-baħar, sajd illegali u ħsara mill-akwakultura fuq il-bajjiet u l-ħajja marina.
- Protezzjoni tal-bijodiversità bħala prijorità nazzjonali, b’deċiżjonijiet ibbażati fuq ix-xjenza u mhux fuq pressjoni politika jew kummerċjali. Pjan serju u iffinanzjat adegwatament għat-tkabbir u protezzjoni tal-flora u fawna indiġeni u endemiċi li huma l-wirt naturali tagħna lkoll.
- Miżuri aktar b’saħħithom kontra l-kaċċa u l-insib illegali u protezzjoni akbar għall-għasafar migratorji u speċi vulnerabbli. Tieqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa.
- Aktar investiment fil-ħarsien tal-ekosistemi naturali, kemm fuq l-art kif ukoll fil-baħar, sabiex Malta tibqa’ tgħaddi ambjent b’saħħtu lill-ġenerazzjonijiet futuri.
- Tisħiħ tad-drittijiet ambjentali fil-Kostituzzjoni biex iċ-ċittadini u l-għaqdiet ambjentali jkunu jistgħu jfittxu protezzjoni mill-qrati meta l-Gvern jonqos milli jaġixxi.
- Għajnuna finanzjarja lill-għaqdiet ambjentali sabiex ikunu jistgħu jwettqu aħjar il-ħidma tagħhom.
- Pubblikazzjoni tal-mappa definittiva tal-passaġġi pubbliċi kollha fil-kampanja.
- Garanzija li l-passaġġi tradizzjonali u dawk fuq art pubblika jibqgħu miftuħa u aċċessibbli għall-pubbliku.
- Ħolqien ta’ aġenzija nazzjonali għar-rotot tal-mixi biex timmaniġġja u tipproteġi trails eżistenti u ġodda.
- Ħolqien tal-ewwel National Trail tul il-Victoria Lines.
- Implimentazzjoni ta’ pjan serju lejn żero skart u aktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi mill-industrija.
Sandra Gauci u Mark Zerafa qalu li l-ambjent ma jistax jibqa’ jitqies bħala ostaklu għall-iżvilupp, iżda bħala pedament għal ekonomija u soċjetà aktar ġusta u sostenibbli. Huma sostnew li Malta għandha bżonn bidla immedjata fil-mod kif tippjana u tuża l-art, il-kosta u r-riżorsi naturali tagħha sabiex il-ġid naturali tal-pajjiż ma jibqax jintilef biċċa biċċa.

