Il-membri tal-Kunsill Studenti Universitarji tal-Università ta’ Malta, magħmul minn membri tal-iStudenti Demokristjani Maltin, imisshom jistħu jidentifikaw ruħhom bħala studenti tal-edukazzjoni għolja, u wisq inqas bħala rappreżentanti tal-istudenti. Aktar moħħhom fl-apparenzi milli jagħtu eżempju ta’ x’inhu ħsieb ħieles, pluraliżmu fl-ideat u diskussjoni. Forsi aħjar joqgħodu d-dar jilgħabu bil-ġugarelli minflok imorru l-università.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Sandra Gauci qalet:”L-ewwel ħaġa li suppost tiġik f’moħħok meta taħseb fil-kunċett ta’ università suppost huwa l-ħsieb ħieles, id-dibattitu u d-diskussjoni. Anke fuq l-aktar argumenti jaħarqu, sensittivi jew kontroversjali. Ma nistgħux naċċettaw li stand tal-NGO Moviment Graffitti titbattal mill-materjal fis-satra tal-lejl għax fost is-suġġetti li kien hemm informazzjoni dwarhom kien hemm informazzjoni dwar l-abort, u l-għaliex jidrilhom li għandu jkun hemm aktar aċċess għalih. Huwa minn ewl id-dinja li jkun hemm mitt fehma, mitt sfumatura u mitt attitudni lejn suġġett li f’Malta għadu sensittiv ħafna. F’università l-isfumaturi għandhom ikunu in-normalità. Dak li għamlu l-KSU mhi xejn għajr ċensura rħisa. Tal-KSU misshom joħorġu rashom mir-ramel, jieqfu jagħmluha tal-pulizija tal-moralità jew inkwiżituri, u jaraw naqra d-diskussjoni li għaddejja anke f’universitajiet Kattoliċi bħal dik ta’ Louvain fil-Belġju. Aktar minn hekk il-KSU jrid jiftakar li l-Università ta’ Malta hija istituzzjoni pubblika tal-istat fejn l-ebda tip ta’ inkwiżizzjoni m’għandha post. Dan l-aġir huwa ta għajb għall-KSU li suppost jirrappreżenta l-istudenti. Nippretendi aħjar.”