Konfiska u multi mhux amnestija

“L-annimali eżotiċi, bħal l-iljuni, posthom mhux f’xi kollezzjoni privata jew f’xi zoo, ikkonfinati fi spazju ċkejken. Posthom fis-savana jew l-abitat naturali tagħhom. Hija moħqrija li dawn il-ħlejjaq nikkastigawhom għal għomorhom f’daqsxejn ta’ gallinar. U xi ngħidu għall-periklu għall-pubbliku, jekk dawn l-annimali jfettillhom jaħarbu? Għalhekk, il-liġi ċar u tond tiprojbixxi li annimali eżotiċi jinżammu minn individwi privati. Allajbierek minflok jenforza l-liġi kif inhu xieraq, il-Gvern qed joffri amnestija lil kull min qed iżomm annimali slavaġġ, ladarba jirreġistrahom.  Daqqa ta’ pinna ma teliminax il-periklu għall-pubbliku u t-tbatija ta’ dawn l-annimali.” Dan sostnewh Mark Zerafa u Ralph Cassar, kelliema f’isem ADPD – The Green Party.

L-uffiċċjali tal-partit saħqu li minflok jgħaġġel idaħħal amnestija l-gvern missu jgħaġġel u jekk hemm problema fejn iżommhom jimmodifika l-liġi biex jikkonfiskalhom il-postijiet fejn jinżammu bħalissa, jew iżomm l-annimali l-gvern spiża ta’ min ġabhom illegalment minn barra jew għammarhom illegalment. Peress li sfortunatament ħafna annimali mkabbra fil-magħluq ma jistgħux jintbagħtu fis-selvaġġ, jistgħu wkoll jintbgħatu wkoll, spiża ta’ min kiser il-liġi, f’postijiet ferm aktar attrezzati f’pajjiżi oħra tal-UE.

Kos, tgħid kumbinazzjoni li l-bidla fil-liġi tħabbret jumejn wara li sirna nafu li l-iljuni li nstabu f’razzett fin-Naxxar huma ta’ Christian Borg, klijent  ta’ Robert Abela, qabel ma dan sar Prim Ministru?

FacebookEmail