Koalizzjoni: mhux kontra Muscat imma favur il-governanza tajba
Simon Busuttil qalilna li l-PN jrid imexxi koalizzjoni kontra l-korruzzjoni. Bil-passat riċenti tiegħu il-PN mhux postu f’din ix-xorta ta’ koalizzjoni. Koalizzjoni kontra l-korruzzjoni mhiex kredibbli bil-PN jifforma parti minnha.
Bħala riżultat tat-telfa madornali tal-2013, il-PN jippretendi li l-passat tiegħu hu maħfur. Hawn sejjer żbaljat għax għad baqa’ ħafna x’jaqta’ bi snienu sakemm jikseb lura l-kredibilitá.
Għad hemm ħtieġa ta’ ħafna spjegazzjonijiet dwar każi li l-fatti dwarhom s’issa huma mċajpra: dwar l-iskandlu taż–żejt, dwar l-artijiet tal-Gvern, dwar is-self mill-Bank of Vassallo u tant affarijiet oħra. Avolja, oħroġ il-għaġeb, donnuħadd ma jaf xejn.
Il-fatt li feġġew skandli simili kif ukoll skandli agħar (bħal tal-Panama) li għalihom hu responsabbli l-Gvern ta’ Joseph Muscat, u probabbilment Joseph Muscat innifsu, ma jfissirx li issa l-PN jista’ jqis ruħu mnaddaf u lest għat-tmexxija tal-pajjiż. Il-passat imċajpar tal-PN hu viċin wisq biex ninsewħ. L-iskandli tal-lum u l-iskandli tal-bieraħ, flimkien, ifissru li ma hemmx x’tagħżel bejn il-PN u l-PL. It-tnejn li huma responsabbli għal tmexxija ħażina.
Jiena kontra l-korruzzjoni, imma ma nħossnix komdu f’koalizzjoni li fiha jkun hemm il-PN, għax fis-siegħa tal-prova l-PN baqa’ ċass quddiem il-ħmieġ. Faċli titkellem mill-Opposizzjoni. Imma jekk dwar dak li jiġri meta tkun fil-Gvern twaħħal f’ta’ taħtek u f’ta madwarek ħadd ma jista’ jemmnek.
Jiena kontra l-korruzzjoni imma l-koalizzjoni li rrid nara mhiex waħda kontra Joseph Muscat, imma favur il-governanza tajba. U dwar din mhemmx post għall-PN. Għad baqagħlu ħafna x’jitgħallem.