Kawtela fuq wegħdiet ta’ sptarijiet ma’ kullimkien

Hekk kif għaddejjin minn żmien ta’ wegħdiet elettorali bl-addoċċ min-naħa tal-partiti l-oħra wieħed ma jistax ma jsemmix li wħud minn dawn il-proposti fl-arja ma jagħmlu l-ebda sens u jidher li sar biss bi ħsieb ta’ kaċċa għal voti.

Fi stqarrija ADPD-The Green Party irrefera għal proposti li qegħdin isiru dwar sptarijiet differenti f’lokalitajiet differenti. 

Iċ-Chairperson tal-partit Sandra Gauci (kandidata fuq distretti 6 u 12) qalet: ”Attenti x’temmnu. Irridu nimxu b’kawtela. L-ewwel ħaġa li jrid isir huwa pjan fit-tul ta’ riżorsi umani fil-qasam tas-saħħa u tal-kura. Bl-istess tim ta’ professjonisti li jridu jlaħħqu mas-servizzi ta’ outpatients u mas-swali fl-isptar Mater Dei, sptarijiet ġodda li mhux ippjanati tajjeb, kemm fit-tip ta’ kura li joffru, kif ukoll f’termini ta’ staffing jirriskjaw li ma jagħmlu xejn ħlief li jżidu l-ispejjeż, l-iskariġġ u l-ineffiċjenza tas-sistema. Dan huwa tħassib ta’ diversi professjonisti li kellmuna. Hemm bżonn ħsieb fil-fond u ppjanar li jinvolvi l-professjonisti tas-saħħa f’kull livell tas-sistema. Huwa aktar għaqli jekk jissaħħu is-servizzi li diġà qegħdin jiġu offruti mill-kliniċi u polikliniċi, tkun imsaħħa l-kura preventiva fil-komunità u nintegraw is-servizzi li joffru t-tobba tal-familja aktar fis-sistema tas-saħħa pubblika.”

Il-PRO tal-partit (u kandidat fuq distretti 3 u 4) Brian Decelis tkellem dwar il-kura tal-anzjani. “Minkejja r-retorika li kienet issir snin ilu fuq il-bżonn li nżommu kemm jista’ jkun ‘l-anzjani jgħixu fil-komunità spiċċajna b’politika tal-gvern li tinkoraġixxi t-tfaqqis ta’ djar tal-anzjani privati li aktar qishom sptarijiet. Djar b’per eżempju tliet mitt sodda iffinanzjati mill-gvern. Qed naraw ħafna anzjani jispiċċaw istituzzjonalizzati meta m’hemmx għalfejn. F’ħafna pajjiżi Ewropej is-servizzi lill-anzjani huma ibbażati fuq il-kunċett ta’ shared living u supported living. F’Malta kollox bil-kontra! Bit-teknoloġija servizzi ta’ shared u supported living saru aktar faċli li jitwettqu.”

FacebookEmail