Il-Prim Ministru illum f’intervista pprova jbella’ r-ross bil-labra lill-pubbliku dwar iż-żewġ abbozzi ta’ liġi dwar l-ippjanar. Iżda l-fatti huma dawk li huma, minkejja l-attentat ta’ manipulazzjoni tal-opinjoni pubblika ta’ Robert Abela illum. Il-Prim Ministru qed jagħti aktar arja lill-ispekulaturi tal-art.
Id-Deputat Chairperson ta’ ADPD-The Green Party, Carmel Cacopardo qal:”Iż-żewġ abbozzi ta’ liġi dwar l-ippjanar għall-użu tal-art huma pass lura u ser jagħmluha iktar diffiċli biex is-soċjetà ċivili ssegwi u tippreżenta sottomissjonijiet dwar proposti ta’ żvilupp imdaqqsa. Dan se jsir prinċipalment bit-tnaqqis taż-żmien li fih ser ikun possibbli li jkun ippreżentat appell minn deċiżjonijiet tal-Awtorità tal-Ippjanar.”
“L-abbozz jipproponi li jagħmilha iktar faċli li proposta ta’ żvilupp tkun approvata billi fost oħrajn jipproponi biex materji ambjentali ma jibqgħux jiġu ikkunsidrati mill-Awtorità tal-Ippjanar. L-abbozz jintroduċi wkoll iktar flessibilità fl-applikazzjoni ta’ policies tal-ippjanar b’riżultat li, inevitabilment, se jkollna nuqqas ta’ ċertezza dwar x’regoli u policies huma applikabbli.”
“Hu ċar daqs il-kristall li l-abbozzi ppreżentati għall-konsiderazzjoni tal-Parlament huma riżultat ta’ pressjoni biex l-Awtorità tal-Ippjanar tkompli tillaxka l-ħidma tagħha, tarmi għal kollox il-funzjoni tagħha ta’ ippjanar u issir dejjem iktar fabbrika ta’ permessi. Dan se jwassal biex il-komunitajiet residenzjali tagħna tonqsilhom il-protezzjoni u l-brigata tal-ispekulaturi tkompli tingħata iktar arja. Wara kollox dawn hekk iridu, inqas indħil li jxekkilhom milli jagħmlu li jfettillhom. Il-Prim Ministru issa bl-iswed fuq l-abjad sħab magħhom fi żvilupp selvaġġ. Mhix xi ħaġa ġdida, ilna nafu. Imma issa hemm ukoll il-provi.”
“Il-Prim Ministru issa bl-iswed fuq l-abjad sħab magħhom fi żvilupp selvaġġ. Mhix xi ħaġa ġdida, ilna nafu. Imma issa hemm ukoll il-provi” – Carmel Cacopardo


