Intervista tal-gazzetta Illum ma’ Ralph Cassar

Illum 16 ta’ Frar deher artiklu fil-gazzetta Illum. Fost dawk intervistati kien hemm Dr Ralph Cassar. Hawn tistgħu taqraw ir-risposti sħaħ għall-mistoqsijiet tal-gazzetta Illum.

Mistoqsija – ġurnalista ILLUMTweġiba – Dr. Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali ADPD – The Green Party
Il-politika f’Malta ilha dominata minn żewġ partiti għal għexieren ta’ snin. Imma fi snin riċenti, kemm fl-elezzjoni u anke fis-sondaġġi, qed titfaċċa ‘anti-politician mindset’, fejn jew qed jikber l-appoġġ lejn partiti żgħar/kandidati indipendenti, jew qed jonqos it-turn-out. Għaliex taħseb li qiegħed jinħass dan is-sens ta’ apatija, jew ta’ inqas fiduċja lejn partiti kbar? Għaliex taħseb li qed tiġri issa?  Min jagħżel li jivvota lil ADPD, li nfakkar li huwa l-għaqda f’partit wieħed ta’ Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku, konvint li jagħmel hekk fuq viżjoni, programm u prinċipji ċari u tondi. Prinċipji politiċi tal-Ħodor, ta’ ġustizzja soċjali u ambjentali, żgur mhux anti-politika jew ‘anti-politician’ dawn il-persuni.

Importanti min-naħa l-oħra li nirrispettaw ukoll lil min jagħżel li ma jivvutax – dan huwa fih innifsu messaġġ ukoll. Ta’ min jenfasizza iżda li r-raġunijiet li għalihom persuna ma tivvotax jistgħu jkunu diversi, min raġunijiet ta’ sens ta’ ‘għalxejn tivvota’, raġunijiet ideoloġiċi, sa raġunijiet egoistiċi.

It-turn-out għall-elezzjonijiet ġenerali xorta huwa għoli immens (85% tal-2022 baxx għal Malta vera, imma xorta għoli), u minkejja r-retorika ta’ xi wħud li jgħidu li jridu jappellaw għal min ma jivvotax, li jridu jkunu kollox għal kulħadd, li dawn il-mitt elf ruħ (li attwalment kienu astjenew fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, għax f’elezzjoni ġenerali jkunu ferm inqas) mhux xi ‘blob’ omoġenju. Mitt bniedem mitt fehma.
⁠Il-kritika komuni fuq il-partiti l-kbar, li għal ħafna snin servew bħala d-dar naturali u komda tal-bosta, hi li tilfu l-valuri tagħhom, u saru “kamp wieħed ta’ ideat ċentrali u popolisti”. Taqbel ma’ dan is-sentiment? Taħseb li għalhekk qed jidhru aktar attraenti partiti oħra?  Dak dejjem huwa l-periklu ta’ żewġ kampijiet kbar, iridu jappellaw għall-istess nies, dejjem u l-ħin kollu. Dwar partiti oħra, skont. Anzi hemm min qed jgħid li huwa ‘ċentrista’, u ma jitkellimx fuq suġġetti skabrużi. Bażikament pożizzjoni li jqabbel fejn jaqbillu.
X’qed tistenna mill-elezzjoni li jmiss? X’taħseb li se tkun l-attitudni tal-poplu għaliha? Taħseb li turn-out se jkun batut, jew qed tħoss li l-poplu se joħroġ jivvotta għax sab tama f’ħaddieħor?Għadu ftit kmieni. Ma naħsibx imma li jkun hemm xi astensjoni kbira fl-elezzjoni ġenerali: probabbli li jivvutaw ‘l fuq sew minn 80%. Nista’ nkun żbaljat. Imma mdorrijin bil-partit l-oħra jwegħdu l-ilma jiżfen, u lill-gvern sfaċċatament jixtri l-voti biċ-ċekkijiet. Vera hawn min mhux iblah u ma jinxtarax b’ċekk, imma għad hawn min jimpressjona ruħu.
⁠Jekk tħares fl-isfera Ewropej, l-ideoloġija qed toqrob lejn waħda tal-lemin estrem aktar ma jmur. Taħseb li Malta qed timxi fuq l-istess passi?  Malta l-PL u PN minn żmien għal żmien skont il-bżonn għandhom ħabta jintegraw diskors u xenati tal-lemin estrem fl-istrateġiji tagħhom. Iffilmjar ta’ raids mill-pulizija, u spettakli għal għajnejn partitarji razzisti quddiem il-qrati b’immigranti fil-manetti. Sa diskors ta’ ‘invażjonijiet’ immaġinarji minn, fil-passat qrib, Adrian Delia, u saħansitra Joseph Muscat. Tkeskis faċli u miskin għal wiċċ ċerti tip ta’ partitarji.

Fuq facebook attivisti, partitarji u kunsilliera Laburisti ma jiddejqu xejn jaqsmu fuq il-profili tagħhom materjal moqżież u ġenn varju ta’ neo-faxxisti bħal Donald Trump. Il-mentalità u l-ideoloġija tal-mibgħeda u tas-soluzzjonijiet faċli minn fuq dahar ħaddieħor diġà fostna.
⁠ADPD jargumenta li t-tielet partit fil-gvern bis-sistema ta’ kif jingħaddu l-voti ma jistax jitla’. Tista’ tispjega aħjar għaliex? Wara li l-Qorti ddiżapuntatkom bil-konklużjoni tagħha, x’inhu l-pass li jmiss?  L-ewwelnett hija kwestjoni ta’ rappreżentanza parlamentari mhux neċessarjament ta’ gvern. Il-gvern huwa ffurmat skont il-kompożizzjoni tal-parlament. Is-sistema hija li sal-aħħar għadd f’kull distrett, iridu jiġu eletti ħames membri parlamentari, dan ifisser li hemm għatba ta’ xi 16% tal-voti.

Qabbel ma’ pajjiżi oħra Ewropej, fejn l-għatba (b’sistemi differenti) tvarja minn madwar 2%, 4%, u 5%. It-Turkija – l-għola waħda, ħlief għal Malta, 10%. Qed nitkellem fuq pajjiżi b’sistemi min ftit u min aktar proporzjonali.

Nistgħu nitilgħu, kemm bl-ewwel għadd u anke bit-trasferimenti, imma apposta għamluha diffiċli kemm jistgħu.  

Xejn għadu m’hu konkluż fil-qrati. Kellna l-ewwel sentenza tal-qorti ċivili sede kostituzzjonali. Imma dan kien biss l-ewwel pass. L-argument tagħna huwa li l-artikli fil-kostituzzjoni dwar l-elezzjonijiet imorru kontra d-drittijiet tal-bniedem, kif protetti mill-kostituzzjoni nnifisha. Speċifikament ma jistax ikollok mekkaniżmu dwar il-proporzjonalità li fi ftit kliem jgħodd għall-voti tal-PN u l-PL biss u mhux għal voti tal-bqija ukoll. L-istess għall-mekkaniżmu tal-ġeneru, jgħodd biss għall-voti tal-PL u l-PN biss, li bażikament qasmu 12-il siġġu addizzjonali bejniethom.

Qegħdin issa fi stadju ta’ appell quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, fl-10 ta’ Marzu hemm l-ewwel seduta. Aħna lesti u ppreparati nkomplu bl-azzjonijiet legali sal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu jekk hemm bżonn.

Min jista’ jgħinna bl-ispejjeż jikkuntattjana, hija ġlieda għal demokrazija aktar rappreżentattiva. Hemm min iparla biss, aħna ħadna azzjoni.
FacebookEmail