Il-PL u l-PN jiftaħru b’dipendenza enerġetika fuq ħaddieħor

“Il-ftaħir tal-Oppożizzjoni Parlamentari Nazzjonalista u tal-Gvern Laburista dwar it-tieni interconnector jixhed in-nuqqas ta’ viżjoni ta’ dawn il-partiti fejn tidħol l-enerġija. Minflok poġġew lil pajjiżna fuq it-triq ta’ enerġija rinovabbli prodotta Malta stess, kemm il-PN, kif ukoll il-PL żguraw li Malta tibqa’ fost tal-aħħar fil-klassifika tal-pajjiżi tal-UE fejn tidħol enerġija rinovabbli. It-tnejn li huma jridu dipendenza dejjem akbar fuq pajjiżi terzi. Iriduna esposti għas-swieq barranin. Il-PN kien għażel il-heavy fuel oil, dal-gvern nefaq il-miljuni ta’ Euro biex jixtri l-permessi biex iniġġes, biex jinvesti f’proġetti suspettużi fil-Montenegro, u bilkemm għamel pass ‘il quddiem fl-enerġija rinovabbli”, dan qalu s-Sergretarju Ġenerali ta’ ADPD – The Green Party Dr Ralph Cassar wara li kemm il-gvern Laburista, kif ukoll il-Partit Nazzjonalista għamlu stqarrijiet li fihom it-tnejn ftaħru b’interconnector ieħor.

“Kien ikun ferm għaqli li flok ma jinħlew fondi pubbliċi fuq it-tieni interconnector, dawn jintużaw biex tiżdied l-kapaċità tal-pajjiż li jiġġenera enerġija rinovabbli. Dan flimkien ma tisħiħ aċċellerat tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku u ta’ sistemi ta’ ħażna ta’ enerġija, mhux biss iqarribna iktar lejn il-mira ta’ żero-karbonju imma jnaqqas drastikament id-dipendenza kważi totali li għandna fuq sorsi barranin għall-enerġija li neħtieġu. Ara kieku l-gvern kien serju kien jara li l-interconnector jintuża għall-hekk imsejjaħ ‘base load’ u bil-fatti jinvesti biex 50% tal-elettriku jiġi minn sorsi rinovabbli tal-2030. Il-miżuri jinkludu ukoll bini żero-karbonju, komunitajiet u koperattivi tal-enerġija rinovabbli, u proġetti akbar ta’ enerġija rinovabbli. Barra minn hekk kull sussidju lill-industrija għandu jkun marbut mal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u ma pjanijiet serji lejn żero-karbonju. Daqshekk sussidji lil kulħadd bl-addoċċ.”

“Ninsistu li l-gvern jikkommetti ruħu biex il-mira fjakka ta’ 11.5% ta’ enerġija rinovabbli mit-total gross tal-konsum tal-enerġija sal-2030, jgħolliha għal 50% sal-2030. Il-mira ta’ 11.5% fil-fatt diġà intlaħqet, imma anke dil-mira tista’ tispiċċa fix-xejn jekk il-pajjiż se jkompli jimporta u juża elettriku iġġenerat minn fuels fossili jew elettriku minn sorsi mhux rinovabbli.”

“L-investiment f’enerġija rinovabbli  u nadifa, iġġenerata f’pajjiżna stess, inkluż investiment fit-tisħiħ aċċellerat tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku jissarraf fil-ħolqien ta’ impjiegi ġodda f’Malta, minflok nibgħatu miljuni kbar ta’ Euro barra mill-pajjiż kontinwament. Marbuta mal-enerġija ukoll, huwa ċar li il-gvern mhux interessat li jimbotta lill-industrija tal-kostruzzjoni biex tibni jew tirrinova bini karbonju-żero. Il-gvern lanqas m’hu interessat li jesiġi li jkun hemm l-installazzjoni ta’ sistemi ta’ solar water heaters u sistemi fotovoltajiċi fuq il-bini b’mod obbligatorju, la fuq proġetti kbar ġodda, aħseb u ara r-rinnovament u l-immodernizzar ta’ bini eżistenti. Il-miżuri tal-budget huma ‘token measures’ ħdejn l-investiment li hemm bżonn – investiment li jibqa’ fil-pajjiż minflok jinħaraq fi fuel, sussidji u interconnectors.”

“Għanda bżonn miri ambizzjużi. Mira ta’ 50% għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli sal-2030 tkun ħafna aktar addattata għal dak li għandna bżonn. Mingħajr miri ambizzjużi t-tir ta’ żero-karbonju sal-2050 żgur mhux se jintlaħaq u se nibqgħu dipendenti għal kollox fuq fuels elettriku ġġenerat minn ħaddieħor. Huwa essenzjali li ma naħarbux r-realtà tal-bżonn urġenti li l-bini f’pajjiżna jimxi lejn żero-karbonju malajr kemm jista’ jkun.” 

CC-BY4.0 license, Professor Ed Hawkins (University of Reading) https://showyourstripes.info/
FacebookEmail