Illum il-Membri Parlamentari Laburisti għażlu li ċ-ċittadini jkollhom għodda anqas biex jiġġieldu l-korruzzjoni. Il-korruzzjoni hawn Malta laħqet livelli li ftit rajna bħalhom, u ġiet normalizzata. Il-Membri Parlamentari Laburisti, minflok jagħmluha ta’ għassiesa tas-sewwa saru konfoffa waħda u flimkien ivvutaw favur l-Abbozz ta’ Liġi 125, biex b’hekk ikomplu joħolqu xkiel għat-trasparenza. Dan se jkun musmar ieħor fit-tebut tal-istat tad-dritt f’Malta. Infakkru illi kieku ma kienx għall-inkjesti maġisterjali mitluba minn NGOs jew ċittadini privati, u l-fatt li l-maġistrati sabu biżżejjed informazzjoni fuq xiex jipproċedu, qatt ma konna se nkunu nafu bi skandli bħal tal-Vitals. Bilfors iqum is-suspett li hemm aktar skandli x’jinkixfu, u għaldaqstant il-Gvern kellu ħeġġa kbira biex din il-liġi tgħaddi bla dewmien ta’ xejn.
Is-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD-The Green Party Dr Ralph Cassar qal li d-dibattitu parlamentari fuq l-abbozz wera kemm minflok il-Partit Laburista ftaħar li se jsaħħaħ l-istat tad-dritt, għamel paragun ma’ Gvern Nazzjonalista u ma’ dak iż-żmien il-Ministru Tonio Borg li riedu jdgħajfu l-għodda tal-inkjesti maġisterjali. Il-Membri Parlamentari Laburisti ftaħru li qed jagħmlu l-istess bħal ma pprova jagħmel Gvern Nazzjonalista. Jiftaħru li huma riedu l-istess ħaġa: l-imminar tal-istat tad-dritt. Lanqas jitwemmnu dawn l-affarijiet. Ingħadu ħafna ineżattezzi waqt id-dibattitu parlamentari. M’huwa vera xejn li kull talba għal inkjesta tintlaqgħa. M’huwa vera xejn li m’hemmx salvagwardji. Il-fatt stess li maġistrat jeżamina t-talbiet għall-inkjesti u jista’ jiddeċiedi li ma jipproċedix diġà hija salvagwardja. M’huwa vera xejn lanqas li l-Partit Laburista wiegħed din it-tip ta’ liġi fil-programm elettorali tiegħu. Il-Ministru Jonathan Attard jew mhux qed jgħid il-verità jew ma tantx jaf jaqra. Għax il-programm elettorali Laburista jgħid affarijiet differenti minn hekk.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci saħqet li flok m’għandna gvern li ma jibżax mill-iskrutinju u li jkun responsabbli ta’ għemilu, għandna gvern li jivvinta modi ġodda biex jaħbi min-nies dak li qiegħed isir baxx baxx. Qiegħed isir aktar ċar li hemm grupp ta’ persuni li jitqiesu ‘l fuq mil-liġi u qegħdin jagħmlu minn kollox biex il-liġi ma tilħaqhomx. Il-liġi l-ġdida se tinkoraġixxi abbuż sfaċċat ta’ poter u xejn aktar għax se tagħti carte blanche lil min qiegħed fil-poter biex ikun jista’ jisraq mingħajr l-ebda xkiel. Din kien jonqos, ġaladarba l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali m’huma qed juru l-ebda ħeġġa biex jaġixxu kontra l-korruzzjoni. Il-kontabilità u t-trasparenza huma s-sisien ta’ stat demokratiku. Hi l-kontabilità u t-trasparenza bis-serjetà li tagħti garanzija ta’ serħan tal-moħħ liċ-ċittadini li min qiegħed imexxi, qiegħed jagħmel dan fl-interessi taċ-ċittadini kollha u mhux ta’ xi erbgħa tal-qalba.
It-trasparenza u l-kontabilità għandhom ikunu s-sisien li fuqhom għandu jitmexxa pajjiż u aħna tal-ADPD naħdmu biex dan iseħħ. Fl-aħħar mill-aħħar il-vot tal-lum fil-Parlament favur Abbozz 125 juri kif qed isiru manuvri biex jiġu protetti persuni partikolari mill-iskrutinju, u kemm il-Prim Ministru, il-Ministru għall-Ġustizzja u l-Membri Parlamentari Laburisti ma jafux x’inhi mistħija.