Il-klima qegħda tinbidel b’rata mgħaġġla. Dan ifisser li Malta spiss iġġarrab perjodi estiżi ta’ nixfa. Il-ħxejjex li għal ġenerazzjonijiet kabbarna u temgħuna m’humiex imdorrijin għal nixfa fit-tul. Il-kriżi tal-klima għalhekk tista’ twassal għal sfidi ġodda fil-produzzjoni tal-ikel, għal skarsezza ta’ ħxejjex, u prezzijiet ogħla għall-konsumatur. Dan ifisser tibdil sostanzjali fil-politika agrikola. Ikun tajjeb li t-tibdil ippjanat ikun diskuss bħala parti minn konsultazzjoni pubblika, għax dan għandu impatt fuq kulħadd: fuq il-biedja u l-bdiewa, fuqna bħala konsumaturi kif ukoll fuq l-ekoloġija.
L-Unjoni Ewropea bexxqet il-bieb għall-użu ta’ ħxejjex li l-ġenetika tagħhom ġiet manipulata b’mod limitat (new genomic techniques, NGT) filwaqt li l-Gvern Malti qiegħed jikkonsidra li jippermettihom lokalment.
Mark Zerafa, kelliem għal ADPD-The Green Party qal, “ADPD tagħraf il-potenzjal u s-siwi ta’ din l-istrateġija, sabiex minkejja n-nixfa u temperaturi għoljin, il-bdiewa tagħna jkunu jistgħu ikomplu jsostnu l-provvista ta’ ħxejjex u frott lokali; b’hekk, innaqssu d-dipendenza tagħna fuq prodotti importati kif ukoll l-emissjonijiet tal-karbonju abbinati mat-trasport biex prodotti agrikoli jaslu Malta. Dan jaf jissarraf fi prezzijiet aħjar għall-konsumatur u tisħiħ tal-industrija tal-biedja lokali. Min-naħa l-oħra, ADPD tagħraf ukoll il-ħtieġa li dan isir bil-ħsieb u bil-galbu. Hemm bżonn li nagħrfu sewwa r-riskji u l-isfidi li jġibu magħhom il-prodotti ġenetikament modifikati.”
Il-provvista tal-ikel hi dritt fundamentali ta’ kull bniedem. Ħaxix u frott imnissla minn NGT huma proprjetà intellettwali tal-kumpaniji li jiżviluppawhom, bi skop ta’ qligħ. Dan jaf iwassal għal monopolju fil-provvista tal-ikel u prezzijiet ogħla ta’ għalf, frott u ħxejjex. Jeżisti ukoll il-periklu li ħxejjex modifikati ġenetikament jikkontaminaw il-ħxejjex li tradizzjonalment dejjem kabbarna.

