Il-kontinwità ta’ Robert Abela – in-nies għalihom huma tajbin għaż-żibel

Id-diskussjoni dwar l-immigrazzjoni irregolari ħafna drabi m’hi diskussjoni xejn iżda skuża biex uħud jinfexxu f’orġja ta’ mibgħeda. Min isegwi ftit jiftakar ir-riklami patetiċi tal-‘invażjoni’ li kienu xandru l-PN waqt kampanja elettorali tal-Parlament Ewropew. Niftakru sew min bagħat lura skoss Eritrejani għat-tortura, avolja issa għadda ftit taż-żmien. Niftakru wkoll, riċentament fl-2019, lill-Prim Ministru ta’ dakinhar Joseph Muscat jgħid li l-immigranti tajbin għaż-żibel biss. Dan apparti l-‘pushback’ li pprova jagħmel f’Lulju 2013 u li taparsi kien nidem minnu.

Għax filfatt Muscat, Abela u l-partit tagħhom mhux vera partit tax-xellug internazzjonalista imma partit b’għeruq f’nazzjonaliżmu populist u li issa żviluppa f’partit neoliberali pro-business u pro-market, Il-viżjoni tagħhom tfisser li hemm bżonn sotto-klassi ta’ persuni li mhux ċittadini u għaldaqstant m’għandhomx vot, biex ikissru darhom fix-xogħol biex dawk aktar superjuri – iġifieri l-Maltin votanti potenzjali tal-Partit Laburista suppost igawdu mit-tkabbir ekonomiku. Din hija n-narrattiva ta’ Muscat, li qed titkompla minn Abela, kif ikkwotat fl-Illum: “dan wassal lil Joseph Muscat biex jisħaq li hu jixtieq li l-barranin f’pajjiżna jiġu jaħdmu fejn ikun hemm bżonn, waqt li insista li hu jrid li jkunu l-Maltin li jieħdu l-aqwa postijiet tax-xogħol u mhux il-barrani komdu u l-Malti jaqsam dahru. Ma rridx Maltin jiġbru ż-żibel.” (‘Kont iffirmajt ittra kontra l-pushback … illum qed tbeżża’ bil-barranin’, Illum.com.mt, 2 ta’ Mejju 2019).

Minflok ma jaraw kif jagħtu d-dinjità lil kull tip ta’ xogħol, il-viżjoni hija li jikklassifikaw ix-xogħol f’dak għall-Maltin u dak għall-barranin. Din hija biss narrattiva finta għax filfatt ħafna Maltin għandhom paga medjokri. Ħafna Maltin li jaqilgħu anqas mill-medja jew il-paga minima jibqgħu isaffru, bħal xi barranin. Barranin oħra privileġġjati, li jaqilgħu l-miljuni ta’ Ewro fis-sena imbagħad iħallsu flat-rate ta’ 15% taxxa. Dan apparti l-kumpaniji b’kwartieri finta hawn Malta li effettivament iħallsu 5% fuq taxxa fuq il-profitti tagħhom. Altru milli barranin jaqsmu daharhom. Skont x’barrani int għas-soċjalisti finta Maltin, u għall-gvernijiet preċedenti l-oħra ‘kristjani’. 

Dawn l-affarijiet mhux Malta biss jiġru. Bħal f’Malta imma hemm min joħroġ għonqu anke fl-Unjoni Ewropea bħal attivisti tal-għaqdiet inkluż dawk ta’ varji knejjes insara, ħafna politiċi tax-xellug progressiv mill-Ħodor sas-Soċjalisti (bl-eċċezzjoni tal-psewdo-xellugin ta’ Malta), u anke xi liberali u xi demokristjani. Issa ħalliha li fil-Parlament Ewropew il-PPE għandu tilja Membri Parlamentari posthom mal-lemin estrem. L-UE hija ostaġġ ta’ persuni moralment falluti bħall-Ungeriż Orban. Imma fl-aħħar mill-aħħar il-fatt li Robert Abela huwa kompliċi mal-Kabinett kollu tiegħu għall-għarqa tan-nies fl-ibħra Maltin huwa ta’ għajb fuqu, fuq il-Gvern u fuq il-Partit Laburista kollu.

Ħafna mill-immigrazzjoni irregolari isseħħ minħabba sitwazzjonijiet diffiċli immens madwarna. U sitwazzjonijiet diffiċli immens ma jfissrux l-isfidi u l-problemi li qed niffaċċjaw bħalissa minħabba l-Covid19. Bħal Joseph Muscat qablu, Robert Abela jafha sew l-udjenza tagħhom. Jafu li huma udjenza politikament mhux edukata, u soċjalment insara tal-figolli u tal-vari. Jafu li l-udjenza tagħhom tihom bandiera, tihom naqra mużika ddamdam ħa joqgħodu jaqbżu u jogħlew u ċaw ċaw raġunamenti, spjegazzjoni u diskussjoni. Bħal Joseph Muscat qablu, Robert Abela dilettant tal-kontinwità. Jaf li l-udjenza tiegħu, bħall-immigranti, tista’ titrattahom ħażin.Robert Abela qalilna li għandna d-diffikultajiet fil-pajjiż. Dażgur li għandna. Qalilna li l-Ewropa ma tgħinx. Dażgur li ma tantx tgħin, għax bosta Gvernijiet tal-UE ma jridux istituzzjonijiet Ewropej b’saħħithom f’oqsma li jagħmel sens u li verament ir-responsabbilità tinqasam bejn kulħadd.

Fl-istess waqt Robert Abela jinsa jgħidilna għaliex Malta, minn żmien l-Ingliżi, żammet żona ta’ tiftix u salvataġġ u anke l-Flight Information Region li jwassal sa Kreta, sal-ponta ta’ Sqallija, u ‘l barra mix-xtut tat-Tuneżija u l-Libja. Li ma’ jgħidx Robert Abela li Malta taħsad benefiċċji ekonomiċi minn din iż-żona. Fl-2009 il-Ministru tal-Intern Carmelo Mifsud Bonnici fit-Times kien qal li din iż-żona hija ‘bonus taż-żmien kolonjali’ (“Dr Mifsud Bonnici said: “It is true we are a small country but the large SAR area could be considered to be part of the bonus we inherited from our Colonial past. It is an asset for our country and I don’t think a country should simply give up its assets.“” – ‘Shrinking Malta’s search and rescue area is ‘not an option‘’, timeofmalta.com, 26 April 2009)).

Il-verità hi li Malta iddaħħal il-miljuni ta’ Ewro kull sena minn ajruplani li jaqsmu dal-250,000 kilometru kwadru ta’ baħar bejn it-Tuneżija u l-Greċja. Issa jgħid x’jgħid Robert Abela, fil-ħajja ma jistax ikun dejjem ħobbla u tredda’. Ma jistax jaħsel idejh mir-resposabbilita’, dik morali ninsewha għax dawn nies amorali, iżda lanqas dik legali. Jew terfa’ l-piżijiet li li jkollok SAR u FIR kbira, jew inkella tkunx ipokrita, xi tridni ngħidlek, ċediha! Għax tgħid xi tgħid, Robert Abela, int u dawk ta’ qablek, in-nies mhux żibel.

Ralph Cassar
Segretarju Ġenerali – Alternattiva Demokratika

FacebookEmail