“Huwa tassew inkwetanti li l-iżviluppaturi li jridu jkomplu jaħtfu l-kosta fiż-żona ta’ Buġibba f’San Pawl il-Baħar qed jingħataw il-barka tal-Gvern biex jiżviluppaw art pubblika.” Dan qalitu iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci, li hija wkoll kunsilliera f’San Pawl il-Baħar.
Gauci irreferiet għal proposta emendata ta’ żvilupp mal-kosta ħdejn il-Buġibba Water Park. L-iżviluppaturi qed jgħidu li għandhom il-kunsens tas-sidien tal-art, jiġifieri tal-Gvern, għall-applikazzjoni sottomessa lill-Awtorità tal-Ippjanar.
Diffiċli li tifhem kif ingħata dan il-kunsens meta l-Parlament f’dawn l-aħħar snin approva liġi biex propju tħares l-aċċess għall-kosta.
Matul is-snin il-kosta ta’ San Pawl il-Baħar ittieħdet lir-residenti u lill-pubbliku, mill-Veċċa sal-Ponta tal-Qawra. Timxi max-xatt u lanqas biss tara l-baħar. Kemm issa taħt il-Labour kif ukoll fil-passat taħt gvern Nazzjonalista ġraw oxxenitajiet li naqqru mill-kosta, mill-vista tal-baħar kif ukoll mill-użu tal-kosta mill-pubbliku. Iddeċidew li jħallu l-kosta pubblika titnaqqar, sena wara sena, gvern wara ieħor. Ma jinteressahomx mill-aċċess pubbliku għall-baħar, imma jinteressahom jaġevolaw ir-regħba ta’ xi wħud.
Tul is-snin bejn lidos, deckchairs, ristoranti u pools privati rajna l-ispazju għan-nies jonqos. F’post bħal San Pawl il-Baħar fejn l-ispazji miftuħa huma ftit u l-popolazzjoni hija densa kull ċentimetru jgħodd. Fl-istess waqt il-gvern jipproponi Viżjoni 2050 b’aktar u aktar turiżmu, b’aktar u aktar kosta meqruda, aktar bini u aktar spekulazzjoni għall-vantaġġ tal-ftit. Diġà għandna l-liġi tal-ġungla, u l-gvern qed ikompli jżid l-opportunitajiet biex min jiflaħ iħawwel. Filwaqt li jagħti miljun Ewro lil żviluppatur għal ‘biċċa’ pjazza fil-Fgura li missha saret spejjeż tal-iżviluppatur stess, jagħti l-kunsens tiegħu biex tkompli tinqered il-kosta f’San Pawl il-Baħar. Dawn in-nies minn Robert Abela ‘l isfel, ma jafux jistħu.


