Il-bilanċ bejn il-ġeneri għandu jiġi minn sistema elettorali riformata, u mhux iħalltu u jaqsmu bejniethom il-PLPN. Is-sistema proposta mill-Gvern bl-appoġġ tal-PN hija eżempju ċar tal-mod dilettantesk li jsiru l-affarijiet Malta. Huwa eżempju ċar ta’ kif il-bżonn ta’ aktar parteċipazzjoni mill-ġeneri kollha fil-qasam politiku jinbidel f’għodda biex jiġu aġevolati l-PL u l-PN. L-unika ħaġa li se jiġri bil-proposti maqbula mill-PLPN huwa li se jkollna sitt pupazzi psewdo-parlamentari Nazzjonalisti u sitt pupazzi psewdo-parlamentari Laburisti ġodda fil-Parlament. Bħas-soltu l-PLPN ftehmu fuq mekkaniżmu li jaħdem biss għalihom biss u ma jaħdimx meta jkunu eletti membri parlamentari minn partiti oħra. In-nisa Maltin huma denji ta’ rappreżentanza biss jekk huma Laburisti jew Nazzjonalisti.
Alternattiva Demokratika għamlet proposti serji kemm f’Ġunju tal-2019 u anke f’Novembru 2019 li għadda ta’ kif jista’ jintlaħaq l-għan ta’ aktar bilanc bejn il-ġeneri kollha fil-Parlament. Id-dokumenti jinstabu hawn:
https://adpd.mt/wp-content/uploads/2019/06/AD_Rapprez%CC%87entanza-Parlamentari.pdf
https://adpd.mt/wp-content/uploads/2019/11/AD_Riforma-Kostituzzjonali.pdf (paġna 10)
Fi ftit kliem, il-proposta ta’ AD hija li s-sistema elettorali għandha tkun a bażi ta’ lista elettorali ippreżentata mill-partiti politiċi li tkun waħda bilanċjata bejn il-ġeneri, mhux biss bejn l-irġiel u n-nisa imma ukoll fil-konfront ta’ dawk li ma jidentifikaw ruħhom la mal-irġiel u lanqas man-nisa. Mekkaniżmi iddisinjati biex jaġevolaw u jipperpetwaw is-sistema PLPN mhux aċċettabbli.
Ralph Cassar
Segretarju Ġenerali – Alternattiva Demokratika