Id-dokument tagħna għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-ewtanasja

Sottomissjoni ADPD-The Green Party għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-Ewtanasja Volontarja Assistita

Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali

F’isem ADPD-The Green Party

Osservazzjonijiet

  1. Id-dokument għall-konsultazzjoni huwa limitat immens: jagħti informazzjoni minima b’mod li hu ta’ xkiel għal diskussjoni serja. Jillimita ruħu għal proċedura legali, bħallikieku s-suġġett huwa strettament kwestjoni ta’ ‘proċedura’. Ma hemm l-ebda riflessjoni fuq l-istat preżenti tas-sitwazzjoni preżenti fejn tidħol il-kura ta’ kundizzjonijiet u mard kroniku u terminali li jwassal għal uġigħ kbir u persistenti, kif ukoll l-effetti debilitanti u kriżijiet eżistenzjali fuq il-persuna. Konsultazzjoni ma tfissirx biss il-ġabra ta’ anedotti f’laqgħat pubbliċi imma ġbir sistematiku u eżami profond tal-esperjenzi tan-nies. Lanqas ma tfisser fishing expedition biex tkejjel sa fejn għandu jazzarda jasal il-Gvern għall-kalkulazzjonijiet politiċi tiegħu. F’din is-sottomissjoni qed nipproponu approċċ ħolisitku ta’ temi relatati mat-tema dejqa tal-konsultazzjoni.
  2. Fis-soċjetà tagħna hawn pluraliżmu etiku. Din hi r-realtà u n-normalità f’pajjiż b’popolazzjoni matura. Bħala pajjiż niffaċċjaw l-istess realtajiet li jiffaċċjaw pajjiżi oħra. Bħal pajjiżi oħra, forsi aktar, f’dan il-perjodu niffaċċjaw estremitajiet fundamentalisti li jħeġġuna nkunu assolutisti, fejn jeżisti biss l-iswed jew l-abjad u xejn aktar. Għalhekk kien ikun idoneu li l-Gvern bir-riżorsi li għandu aktar minn kull organizazzjoni jippreżenta dokument li jispjega fid-dettall,  anke jekk b’riżultat ta’ hekk jikxef in-nuqqasijiet kbar fil-qasam tas-saħħa. B’hekk naslu għal diskussjoni aktar infurmata. Sfortunatament il-klima politika immatura timmina tali diskussjoni.
  3. Kuntrarju għal dak li qed jgħidu xi vuċijiet oħra, it-temi tat-Testment Bijoloġiku u l-irtirar tal-kura, l-akkaniment terapewtiku, tal-kura paljattiva, tal-kura fl-aħħar tal-ħajja (end-of-life-care), tas-sedazzjoni paljattiva (palliative sedation) u tal-ewtanasja volontarja (kemm diretta kif ukoll indiretta) huma strettament relatati u għandhom jitqiesu flimkien. Problema kbira f’din id-diskussjoni kumplessa huwa n-nuqqas ta’ terminoloġija komuni u mifthema.
  4. It-Testment Bijoloġiku huwa sett ta’ direttivi lit-tobba u ‘l-infermiera minn pazjenti dwar x’kura hija aċċettabbli (jew mhux aċċettabbli) meta l-pazjenti jkunu waslu fl-aħħar ta’ ħajjithom jew inkella meta ma jkunux iżjed konxji. Ilna nitolbu għal qafas legali għal Testment Bijoloġiku f’diversi manifesti elettorali tal-partit. Diġà huwa aċċettat li pazjenti jistgħu jirrifjutaw l-kura, u aċċettat minn ħafna nies li l-akkaniment terapewtiku li żżomm persuna fuq il-magni u ‘ħajja’ artifiċjalment la hu dinjituż u lanqas etiku. It-Testment Bijoloġiku joffri tarka li x-xewqat tal-pazjent qed jiġu rispettati f’sitwazzjonijiet diffiċli kemm għall-familjari u anke għall-istaff mediku. Iżda Testment Bijoloġiku (u kull deċiżjoni li ssir bħalissa biex titwaqqaf kura li mhux qed tagħti frott) waħdu mhux biżżejjed jekk il-kura paljattiva mhix adegwata.
  5. Min jiddeċiedi li jwaqqaf il-kura, u anke tul il-kura ta’ mard serju, kroniku u terminali għandu jkollu d-dritt għal kura paljattiva tal-aqwa kwalità. Dan huwa nieqes minn pajjiżna, kemm fl-isptarijiet,kif ukoll fi djar residenzjali għall-anzjani. Is-servizzi fi djar privati huma prattikament non-eżistenti. Dan hu ikkonfermat minn tobba u infermiera u minn dikjarazzjonijiet tal-MAM stess. Għalkemm il-kura paljattiva mhux biss immaniġġjar tal-uġigħ, u mhux biss għal persuni li waslu fl-aħħar ta’ ħajjithom, hawn qed nagħmlu emfasi fuq il-kontroll ta’ uġigħ insapportabbli. F’dan l-isfond nipproponu li l-kunċett ta’ aċċess għal mediċini effettivi għall-kontroll tal-uġigħ, inkluż opjojdi, jitqies bħala dritt bażiku, parti essenzjali mis-servizz tas-saħħa universali. Tobba u infermiera, kif ukoll pazjenti qalulna li l-kura paljattiva u speċifikament il-kontroll tal-uġigħ b’mod effettiv huma nieqsa. Minħabba l-potenzjal ta’ abbuż mill-opjojdi hemm reżistenza kbira għall-użu tagħhom fejn dan ikun meħtieġ, bil-konsegwenza li hemm ħafna nies li qed jitħallew ibatu għal xejn. Din is-sitwazzjoni għandha tiġi riżolta minnufih. Fit-tmien tal-ħajja wkoll, il-biża’ minn ‘overdose’ iżżomm lill-istaff milli jgħin lill-pazjent juża opjojdi (jew mediċini oħra) kemm ikun hemm bżonn fis-sitwazzjoni partikolari tal-pazjent.  L-ostakli għall-immaniġġjar tal-uġigħ huma n-nuqqas ta’ faċilitajiet tas-saħħa adegwati f’kull sala tal-isptar, f’kull residenza fit-tul, u anke fid-djar ta’ pazjenti b’mard kroniku u terminali. Għandu jkun hemm infermiera u tobba mħarrġa, bħala speċjalità, fl-immaniġġjar tal-uġigħ. Din għandha tkun prijorità – anke fid-dawl ta’ popolazzjoni li qed tgħix aktar. Studji internazzjonali jippuntaw lejn il-kriżi fl-użu tal-opjojdi fl-Istati Uniti bħala r-raġuni prinċipali għar-restrizzjonijiet kbar fuq dawn il-mediċinali importanti għall-kura ta’ bosta pazjenti.
  6. Anke b’kura paljattiva state-of-the-art fl-aħħar mill-aħħar  hemm limiti safejn tista’ twassal din il-kura. Il-mediċini għall-kontroll tal-uġigħ u s-sedazzjoni paljattiva jistgħu jiffaċilitaw ħajja dinijituża, li fl-aħħar iżda jwasslu wkoll għal mewt b’dinjità. Dan huwa aspett li min ma jridx jiddiskuti suġġett kumpless u diffiċli jevità li jsemmi – li opjojdi f’dożi qawwija u sedazzjoni fit-tul tista’ tqassar il-ħajja ta’ persuna. F’ċerti każijiet m’hemmx alternattivi, għax l-alternattiva hija mewt b’uġigħ estrem kif dokmentat sew fi studji xjentifiċi. Fl-aħħar mill-aħħar huwa l-kumpass etiku tal-individwu li għandu jiġi rispettat, kemm irid jew ma jridx jissaporti uġigħ u skumdità. Il-kontroll tal-uġigħ huwa dritt għal ħajja b’dinjità anke fl-aħħar tal-ħajja tal-persuna. Ma rridu naraw lil ħadd jittallab għad-dinjità fl-aħħar ta’ ħajtu minħabba nuqqas ta’ aċċess għal mediċinali essenzjali bl-iskuża li huma ‘perikolużi’. 
  7. Din is-sottomissjoni mhix komprensiva jew xi bidu u tmiem ta’ diskussjoni fuq temi kumplessi. F’soċjetà demokratika d-diskussjoni kontinwa hija neċessarja. L-assolutiżmi m’hemmx posthom. Il-ħajja mhix abjad u iswed. Id-diskussjoni etika hija vjaġġ li teħtieġ kuraġġ li nammettu l-kumplessità, u li fl-aħħar mill-aħħar nirrispettaw il-kumpassi etiċi differenti ta’ kull individwu. Ninsistu li nisimgħu lill-pazjenti u lill-professjonisti, u li l-istat joffri s-servizzi neċessarji biex l-għażliet ikunu infurmati u verament ħielsa. Ninsistu fuq il-bżonn tal-empatija minflok il-ġudizzju u d-domma.

Diskussjoni serja u deċiżjonijiet infurmati jfissru li l-aspetti tad-dinjità umana kollha fil-kura ta’ mard kroniku u terminali jiġu kkunsidrati sew. Nħeġġu lill-gvern jpoġġi l-interessi tal-pazjenti l-ewwel u jippreżenta minnufih policies u abbozzi ta’ liġijiet relevanti għas-suġġett, jiżgura aċċess għall-mediċini kollha neċessarji (bħal opjojdi u oħrajn) inkluż investiment massiċċ għall-kura fl-aħħar tal-ħajja u għal kura paljattiva komprensiva bi dritt, lil kull min jeħtieġha. B’hekk ikun jista’ jkompli bis-serjetà l-proċess ta’ diskussjoni u jittieħdu deċiżjonijiet infurmati fl-interess ta’ min qiegħed ibati.

Dokument [PDF]

FacebookEmail