Hemm bżonn bidla radikali dwar kif jiġu trattati każijiet ta’ vjolenza domestika

“Meta kalvarju jkun ilu għaddej is-snin u jkun hemm rapporti fuq rapporti ta’ vjolenza domestika tul dawn is-snin mela l-problema hi waħda: li l-istat mhu joffri ebda protezzjoni effettiva lill-vittmi!” Dan qalitu ċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party, Sandra Gauci b’referenza għall-femiċidju li seħħ fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet. 

“Charlotte bhal Bernice irrappurtat fuq li rrappurtat u xorta kellha tispiċċa vittma ta’ min sawwatha aktar minn darba. Ma nistgħux naħarbu mill-fatt li hemm sistema li bla ebda dubju  mhux qed tipproteġi lill-vittmi.” 

“Kemm-il mara maqtula hemm bżonn sabiex xi ħadd jitħarrek u jwettaq il-bidliet li huma meħtieġa?” tenniet Gauci.

“Tul is-snin NGOs, ADPD u għaqdiet favur id-drittijiet tan-nisa ilhom jisħqu li hemm bżonn bidliet. Imma kollu ta’ xejn. Aħna n-nisa għadna punching bags. Għadna meqjusa oġġett,  u wara din l-attitudni hemm moħbija l-mentalità fejn il-vittma kważi jkun ħaqqa li mietet.” 

“Għal darba oħra ADPD titlob ġustizzja effettiva għal Charlotte u bidla kemm jista’ jkun malajr dwar kif jiġu trattati l-każijiet ta’ vjolenza domestika. In-nisa mhumiex  disposables. Is-soċjetà hemm bżonn li tieħu ħsiebna! Dan dover li sa issa hu effettivament injorat” temmet tgħid Sandra Gauci.

FacebookEmail