Illum waqt konferenza stampa fi Ġnien John Borg f’Birkirkara d-Deputat Segretarju Ġenerali ta’ ADPD-The Green Party Mario Mallia qal li il-post magħżul għal din il-konferenza stampa fil-komunità fi spazju miftuh itenni l-messaġġ ċentrali ta’ ADPD f’din il-kampanja elettorali: il-ġid komuni. Għalhekk ‘ilkoll’.
Mallia qal li dan il-post huwa simbolu ta’ dan. “Fl-imgħoddi, bħala kunsillier f’isem Alternattiva Demokratika, konna ħdimna flimkien mar-residenti kif ukoll ma kunsilliera oħra, biex dan il-pulmun ma jaqax vittma ta’ żvilupp, mhux għal darba imma għal darbtejn. Pulmun prattikament uniku f’lokalità mimlija bini, illum għadu jitgawda mill-komunità frott il-ħidma taghna. Biex dan l-ispazju baqa’ aċċessibbli, ħdimna ma’ nies oħra. Din hija l-vokazzjoni tagħna fil-politika Maltija; li nservu ta’ pont ma persuni ta’ rieda tajba li jixtiequ l-ġid tal-komunità.”
Huwa kompla jgħid li f’dan l-aħħar xahar biss, l-istejjer ta’ ħtif ta’ art miftuħa biex igawdu minnha l-ftit, huwa bil-bosta. ADPD jibqa’ t-tarka tar-residenti kontra spekulazzjoni bla rażan li qed tidfen komunitajiet sħaħ, teqred dak li jagħmilna uniċi, b’konsegwenzi fuq il-benesseri u s-sostenibbiltà, kemm soċjali u kemm ekonomika. Dan il-post huwa wkoll playingfield għat-tfal. Dan ifakkarna fl-obbligu li għandna fil-politika li ma nħarsux biss sal-interessi dojoq u immedjati, imma nżommu f’moħħna d-dritt tat-tfal u generazzjonijiet futuri li jgawdu lil pajjizna. Pajjiżna huwa biss misluf lilna.
Numru mdaqqas ta’ votanti għadhom qed jaħsbuha jivvutawx għax xebgħu mill-politka ta’ wegħdiet u rigali. Xebgħu mill-partiti tradizzjonali li jiddaħħlu fil-but ta’ min jiffinanzjahom. Jixtiequ jaraw politika differenti. Il-messaġġ ta’ ADPD huwa ċar: Jekk tixtieq politika differenti hemm bżonn tivvota għaliha. Iżżommx lura. X’tirbaħ biss għandek. ADPD jibqa’ taħdem għal politika ta’ ndafa, politika inklussiva, sostenibbli u ġusta. Il-kandidati li ADPD qiegħed jippreżenta f’din l-elezzjoni huma:
Distretti 1 u 9: Mark Zerafa minn Birkirkara, Senior Laboratory Officer
Distretti 2 u 8: Mario Mallia minn Birkirkara, Senior Lecturer
Distretti 3 u 4: Brian Decelis minn Marsaskala, Operations Manager
Distrett 5: Dr Melissa Bagley minn Birżebbuġa, Senior Lecturer
Distrett 6 u 12: Gauci Sandra minn San Pawl il-Baħar, Għalliema
Distretti 7 u 11: Carmel Cacopardo mill-Kalkara, Perit Distrett
10: Marcus Lauri minn Tas-Sliema, Direttur ta’ Kumpanija
Distretti 12 u 13: Luke Caruana mill-Mellieħa, Graphic Designer
Aqra aktar: www.ahdar.green

ritratti: Zigli Jonathan Borg

