Gafà rieqed, meta se jarresta lil Alex Dalli?

L-aġir moqżież tal-Kurunell fil-ħabs ikkonfermat, imma Gafà għadu rieqed

ADPD – The Green Party huwa disgustat bil-fatti kkonfermati mill-Ombudsman dwar l-operat u r-razziżmu, intimidazzjoni rampanti u kundizzjonijiet fqar fil-ħabs ta’ Kordin taħt it-tmexxija tal-hekk imsejjaħ ‘Kurunell’ Alex Dalli.

Iċ-Chairperson ta’ ADPD – The Green Party Sandra Gauci qalet: Fid-dawl tar-rapport li għadu kif ħareġ l-Ombudsman hemm bżonn li jittieħdu passi legali kontra Dalli u l-uffiċċjali kollha nvoluti u mhux qisu ma ġara xejn. Is-serjetà u l-gravità tal-fatti mikxufa fir-rapport titlob lil dan isir bla dewmien.

X’qed jistenna l-Kummissarju tal-Pulizija Gafà? Ir-rapport tal-Ombudsman mhux biżżejjed? Ma nagħmlux mod li qed jistenna lil xi ħadd jitlob inkjesta maġisterjali hux, jew jistenna lil Robert Abela jbiddel l-liġi biex żgur ma jagħmel xejn?  

Il-Kummissarju tal-Pulizija mhux aħjar jaqbad u jarresta lil kull min huwa involut, ibda mill-Kurunell Alex Dalli u jinvestiga immedjatament? Hemm bżonn ngħidulu ahna? Hemm bżonn jgħidlu xi maġistrat? Mhux kapaċi jaqra l-iswed fuq l-abjad waħdu?

Is-Segretarju Ġenerali tal-partit Dr Ralph Cassar qal li kellu jkun l-Ombudsman li jikkonferma r-rapporti persistenti fil-midja dwar aġir selvaġġ, razziżmu sfrenat, tkeskis ta’ klieb, aġir moqżież ieħor, u metodi ta’ umiljazzjoni użati minn marmalja ta’ uffiċjali taħt it-tmexxija ta’ Dalli. Dawn in-nies mhux posthom fl-ebda settur tas-servizz pubbliku wisq anqas f’istituzzjoni suppost ‘korrettiva’.

Kieku konna f’pajjiż verament ċivilizzat kieku l-Kurunell Alex Dalli kien jgħaddi qorti marzjali, u jitkeċċa mill-armata b’diżunur. Lanqas iż-żieda qawwija ta’ suwiċidji fil-ħabs ma’ ġabu azzjonijiet immedjati, għajb għall-gvern u għall-pajjiż. Minflok li Dalli u dawk kompliċi miegħu ġew arrestati u investigati mill-Pulizija, kollox qisu xejn m’hu xejn. Anzi l-Kurunell ġie ppremjat b’kariga bħala mibgħut speċjali fil-Libja dwar l-imigrazzjoni. Forsi biex ikun jista’ jkompli jipprattika r-razziżmu moqżież tiegħu.

ADPD-The Green Party jitlob għall-arrest u l-investigazzjoni immedjata ta’ Alex Dalli u l-uffiċċjali pubbliċi nvoluti fil-ħniżrijiet ikkonfermati mill-Ombudsman. Min se jċaqlaq lil Gafà?

FacebookEmail