Minkejja l-islogan tal-Budget 2025 ‘Pajjiż ta’ Kwalità’ l-gvern ta’ Robert Abela kompla jżid id-dejn pubbliku mingħajr ġustifikazzjoni. Kompla jiftaħ bibien beraħ għal setturi li joffru biss impjiegi b’pagi baxxi u li jisfruttaw lill-ħaddiema. Fil-fatt l-akbar tkabbir fix-xogħol huwa f’impjiegi b’pagi baxxi.
Il-pandemija fissret li kien hemm bżonn jiżdied id-dejn pubbliku biex isostni l-intraprizi u konsegwentement jipproteġi x-xogħol u lil bosta setturi ekonomiċi. Iżda l-pandemija u l-kriżi riżultat tal-invażjoni Russa tal-Ukrajna qed jintużaw mill-gvern ta’ Robert Abela bħala paraventu għal infieq żejjed. Sar dejn li ma marx f’investiment għall-futur iżda f’infieq ta’ sussidji fejn mhux strettament meħtieġ, anke għal min jiflaħ u min jaħli. Clyde Caruana, il-Ministru tal-Finanzi m’għandux biex jiftaħar li qed jaħli l-flus fuq il-fuel li jniġġes, iħammeġ u joqtol minflok f’investiment fit-tul li jnaqqas id-dipendenza fuq swieq instabbli tal-enerġija mill-gass u ż-żejt. M’għandux biex jiftaħar li jissussidja l-petrol u d-diesel minflok jinvesti f’sistemi ta’ trasport tal-massa li jagħmlu sens għal pajjiżna bħal Sistema Bus Rapid Transit u f’toroq verament għan-nies. M’għandux biex jiftaħar li jinħelew il-miljuni kbar f’sussidji għat-tniġġis minflok jintużaw f’investiment iffokat fl-edukazzjoni bikrija. M’għandux għaliex jiftaħar għall-ħela ta’ flus f’toroq li komplew iżidu t-tniġġis, jifgaw lin-nies u jimlew kull m’hemm karozzi. Anke hawn hemm il-ħtieġa tal-kwalità mhux tal-kwantità. Hemm ħtieġa mhux biss ta’ bidla għall-karozzi tal-elettriku imma ukoll ta’ modal shift li jwassal biex jonqsu l-karozzi mit-toroq. Din twassal għal kwalità aħjar tal-ħajja riżultat ta’ tibdil fl-attitudnijiet tagħna lejn it-trasport!
Id-diskors dwar kemm il-pajjiż għandu bżonn jiffoka fuq setturi ta’ valur miżjud u valur għoli bħat-teknoloġija, l-enerġija rinnovabbli, ix-xjenzi tal-ħajja, u l-manifattura avvanzata, u anke t-tranżizzjoni ħadra u diġitali ilu jsir. Biex dan iseħħ imma hemm bżonn li l-gvern jinċentiva investiment f’dawn l-oqsma. Kif ukoll li jiskoraġixxi permezz ta’ taxxi fuq it-tniġġis u fuq l-użu ta’ riżorsi minn setturi li għandhom bżonn jitrażżnu bħal dik tat-turiżmu (jew aħjar tal-ispekulazzjoni bi skuża tat-turiżmu) u dik tal-kostruzzjoni. Dawn huma żewġ setturi miżżewġin għax jinqdew b’xulxin biex jagħmlu u jkattru l-ħsara ambjentali u l-ħsara fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Minflok jinċentiva industriji nodfa u ġodda l-gvern kompla u qed ikompli jaġevola l-ispekulazzjoni. Il-kliem sabiħ ta’ Clyde Caruana huwa biss retorika għax m’hemm l-ebda rieda li ssir verament qabża għal kwalità ta’ ħajja aħjar.
Minkejja d-diskors dwar il-kwalità l-Prim Ministru Robert Abela kien u għadu fiċ-ċentru ta’ gvern li tana drenaġġ li jfur fil-baħar, bini bl-addoċċ, mewġa ta’ turiżmu li jagħmel il-ħsara, pagi baxxi u sfruttament, l-iskandlu tal-pensjonijiet, toroq fgati bit-traffiku u t-tniġġis, l-iskandlu tal-liċenzji, korruzzjoni f’kull livell, enerġija rinovabbli minsija u minflok sussidji għat-tniġġis li jmarrad, u gvern li lil min jabbuża jippremjah.
Minflok Pajjiż ta’ Kwalità dal-gvern kompla jimmina l-futur u kompla jgħabbi l-piż fuq il-ġenerazzjonijiet futuri: din hi forma oħra ta’ inġustizzja soċjali. Dejn nazzjonali li jaqbeż l-10 biljun Euro mhux sostenibbli. Apparti dan, jitfa’ piż fuq il-ġenerazzjonijiet futuri, piż fuq għada tad-deċiżjonijiet tal-lum. Li noqorbu lejn osservanza tar-regoli tal-EU mhux biżżejjed. Irridu naslu għal budget bla żbilanċ biex ikun possibli li jibda jonqos id-dejn nazzjonali. B’hekk ma nibqgħux ngħaddu l-piż tal-lum fuq il-ġenerazzjonijiet futuri.