ADPD terġa’ ttenni s-sejħa tagħha biex l-abort jiġi dekriminalizzat

Huwa tal-mistħija li fis-sena 2025 għadna l-iktar pajjiż fl-Ewropa b’liġijiet kiefra fuq l-abort. Dan sostnietu ċ-Chairperson tal-ADPD-The Green Party Sandra Gauci, b’riferenza għas-sentenza mogħtija fil-Qorti fejn mara ta’ 28 sena ingħatat sentenza ta’ sentejn priġunerija wara li ammetiet li kellha abort farmaċewtiku fi stadju bikri tat-tqala. Għalkemm ‘sentenza sospiża’ xorta hija sentenza ta’ priġunerija.

Meta tisma’ li mara tingħata sentenza sospiża għax ppruvat tagħmel abort farmaċewtiku juri kemm l-abort hu magħna u li mara f’diffikultà lanqas tista’ tafda lit-tobba li jkunu qed jikkurawha. Din hija ‘witch hunt’ u akkaniment fuq in-nisa u hemm bżonn li tintemm billi l-abort jiġi dekriminalizzat immedjatament kif insostnu aħna. Il-ħajja tal-mara hi importanti u ta’ valur, qalet Gauci.

Dekriminalizazzjoni hija importanti għax tfisser li jekk bħal f’dan il-każ mara tkun f’periklu, ma tibqax lura milli tfittex l-għajnuna.

Infakkru wkoll li snin ilu l-Konferenza Generali tal-Partit Laburista kienet  iddeċidiet li meta jkun fil-gvern il-Partit Laburista l-ebda mara ma tmur il-ħabs jew ikollha theddida ta’ ħabs minħabba l-abort**. Biex iżommu ma’ din id-deċiżjoni tal-partit tagħhom nisfidaw lill-gvern ta’ Robert Abela biex minnufih jagħti l-maħfra Presidenzjali lil din l-mara u li titħassar dis-sentenza kompletament.

**https://www.maltatoday.com.mt/news/national/109949/family_planning_clinics_and_abortion_discussed_at_the_1980_labour_party_general_conference_

FacebookEmail