Għall-futur tagħna, neħilsu mill-fuels fossili – Klimaatmars f’Amsterdam

Fi tmiem il-ġimgħa Sandra Gauci irrappreżentat lil ADPD-The Green Party fil-Climate March – Id-Dimostrazzjoni għall-Klima li saret f’Amsterdam, l-Olanda. Il-’Klimaatmars’ huwa organizzat mill-Klimaatcrisis Coalitie, koalizzjoni ta’ aktar minn 200 organizazzjoni bl-għajta urġenti ta’: “Choose our future. Get rid of fossil fuels”. Irridu nirreżistu lill-initeressi b’saħħithom f’Malta, fl-Ewropa u madwar id-dinja li jridu l-istatus quo għall-gwadann finanzjarju u personali tagħhom. Hemm bżonn li min qed jagħmel il-ħsara iħallas. ADPD-The Green Party ingħaqad mal-Grupp tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew u partiti membri oħra tal-European Green Party għal din id-dimostrazzjoni.

L-attività tal-bniedem qiegħda titfa’ kwantitajiet enormi ta’ gassijiet serra fl-atmosfera u dawn qegħdin jikkawżaw taqlib mgħaġġel fil-klima. Dwar dan, hemm qbil fost ix-xjenzati u m’hemmx lok għal dubji, dibattiti u telf ta’ żmien prezzjuz. Għalhekk, fi tmiem dil-ġimgħa gruppi Ħodor minn madwar l-Ewropa u lil hinn ingħaqdu f’Amsterdam biex vuċi waħda jfakkru li l-bidla fil-klima issa saret emerġenza globali. Il-bidla fil-klima theddidna lkoll u ma tagħrafx pajjiżi u fruntieri. Hemm bżonn li l-ġnus kollha jinsew id-differenzi u jaħdmu id f’id sabiex nevitaw katastrofi globali akbar minn dik li diġà qiegħda sseħħ quddiem għajnejna.

Sa ftit ta’ żmien ilu, konna nimmaġinaw li l-bidla fil-klima ma kinitx theddida immedjata. Konna nserrħu rasna li l-agħar effetti tal-klima se jseħħu biss fil-futur imbiegħed u li għandna żmien kemm irridu biex insewwu l-ħsara li għamilna. Għarralna. Mewġ ta’ sħana, waħda wara l-oħra. Maltemp u għargħar fl-Ewropa. Il-biedja qed tinqered. It-toroq qed isiru insapportabbli minħabba s-sħana. U xi ngħidu għat-temperaturi rekord tal-baħar li ġew irreġistrati din is-sena, li skond bijologi ewlenin, qed tikkawża tħarbit fl-ekosistemi?

Huwa fl-interess tagħna li nagħmlu ħilitna sabiex inrażżnu l-bidla tal-klima. Ix-xjenzati ilhom iwissuna li sabiex nevitaw l-agħar konsegwenzi, hemm bżonn li t-temperatura globali ma tiżdiedx b’aktar minn 1.5 ℃. Jidher li l-opportunità li nilħqu din il-mira issa tlifniha. Il-mentalità ta’ “u iva .. għada min rah” ġabitna fiex ġabitna. Fil-fatt fil-Mediterra, diġà inqabżet il-mira, u se nkomplu naraw effetti devastanti fuq l-kwalità tal-ħajja tagħna.

Hemm bżonn li bħala pajjiż, nerfgħu ir-responabbilità tagħna sabiex neliminaw l-użu ta’ fuels fossili u nilħqu l-mira ta’ żero karbonju. Mhux biżżejjed li ngħidu li rridu nikkonformaw mal-liġijiet internazzjonali jekk fl-istess ħin ma nurux ħeġġa u impenn biex nilħqu dan il-għan. It-tkabbir ekonomiku dejjiemi mhux sostenibbli. Hemm bżonn urġenti li ninvestu aktar f’enerġija ħadra u rinovabbli. M’għandna ebda skuża. Malta tgawdi xemx matul is-sena kollha. Din hi opportinutà għalina sabiex niġġeneraw l-enerġija li għandna bżonn, bi tniġġis mill-anqas, u bi prezz stabbli u irħis. Bl-istess mod, hemm bżonn li niġġeneraw aktar enerġija mir-riħ u miċ-ċaqlieq tal-baħar.

Hemm bżonn li nnaqsu d-dipendenza tagħna fuq il-karozzi privati tagħna u ninvestu aktar f’mezzi ta’ trasport sostenibbli bħal Bus Rapid Transit (BRT). L-infrastuttura tad-distribuzzjoni tal-elettriku għandna nsaħħuha u nimmodernizzawha sabiex issir aktar effiċjenti.

Fl-aħħar mill-aħħar, hemm bżonn ta’ tmexxija u politika li jieħdu l-azzjoni favur il-klima b’mod konkret. B’miżuri fjakki u nofs kedda, m’aħniex se naslu.

FacebookEmail