Spettaklu ta’ Krudeltà: Iż-Zoos f’Malta. Imma l-Liċenzja Biex Joperaw, Fejn hi?

ADPD – The Green Party tissieħeb mal-għaqdiet tad-drittijiet u l-benesseri tal-annimali u tesprimi t-tħassib tagħha dwar l-operat ta’ Montekristo Estates li riċentement ħabbru fuq il-media soċjali li ż-zoo fil-park tagħhom se jerġa’ jinfetaħ fil-ġranet li ġejjin. 

ADPD – The Green Party ittenni li l-annimali m’għandhomx jitqiesu bħala oġġetti għad-divertiment. Mark Zerafa, uffiċjal tal-Partit qal, “L-annimali huma esseri bil-kapaċità li jsofru u m’għandhom qatt jiġu kkonfinati fi spazji ristretti b’mod kapriċċuż. Il-gaġeġ li jitqiegħdu fihom bl-ebda mod ma jirriflettu l-ambjent naturali li l-annimali evolvew fih. ADPD temmen li dan huwa abbuż li jikkawża lill-annimali stress u tbatija.”

Madankollu għadu mhux ċar jekk Montekristo Estates humiex liċenzjati sabiex joperaw dan iż-zoo. ADPD teżiġi transparenza sħiħa għaliex ħadd mhu ‘l fuq mil-liġi, lanqas is-sinjuruni li mingħalihom il-flus huma bakketta maġika li tagħtihom drittijiet u privileġġi speċjali.  Għalkemm Montekristo jippożaw fuq il-media soċjali li għandhom għal qalbhom il-benesseri tal-annimali, fis-sena li għaddiet ma ddejqu xejn jiksru l-liġi u organizzaw attività fejn l-annimali ġew imġiegħla jipparteċipaw fi spettaklu li jmur kontra l-istinti tagħhom. 

Jekk jinstab li Montekristo qegħdin joperaw dan iż-zoo mingħajr il-permessi meħtieġa, l-annimali għandhom minnufiħ jiġu kkonfiskati u jintbagħtu f’santwarji fejn ikunu jistgħu jirċievu il-kura kollha li jeħtieġu. Zerafa temm jgħid: “Hemm bżonn li l-awtoritajiet jieqfu jitrattaw lin-negozjanti l-kbar bl-ingwanti, speċjalment meta n-nuqqas ta’ serjetà twassal għall-isfruttament krudili tal-annimali” 

FacebookEmail