Dan is-sajf ilkoll kemm aħna għaddejna mill-qilla ta’ sħana eċċessiva. It-temp estrem li laqatna mhux biss inkonvenjenti, iżda huwa ukoll theddida serja għal saħħitna. Ix-xahar li għadda, il-Ministeru tas-Saħħa saħansitra stqarr li numru mhux żgħir ta’ persuni vulnerabbli tilfu ħajjithom minħabba t-temperaturi għoljin li laqtu lill-pajjiż.
L-infrastruttura tal-pajjiz ma kinitx ippreparata għal dan, minkejja li ilna bosta snin nafu x’inhu ġej.
Din is-sena deher ċar, iktar minn qatt qabel, kif l-infrastruttura tagħna għal darba oħra ma kinitx kapaċi tlaħħaq mad-domanda. Ma konniex proattivi u saħħaħna l-infrastruttura, hekk kif il-popolazzjoni bdiet tiżdied b’mod qawwi. Ma tajniex kas li kull sajf qed ikun aktar kiefer minn dak ta’ qablu, hekk kif il-klima tkompli tinbidel. Il-qtugħ tal-elettriku mhux biss ikattar il-miżerja li ġġib magħha s-sħana fl-eqqel tas-sajf; iġib miegħu ħela ta’ ikel hekk kif il-fridges jibqgħu mitfijin għal sigħat twal, u jħarbat l-attività ta’ bosta negozji. Dan apparti li hu ta’ theddida għal saħħet il-vulnerabbli fostna. Din is-sitwazzjoni mhiex aċċettabbli. Il-provvista tal-elettriku li niddependu fuqha ma tistax tibqa’ titmexxa b’mod dilettantesk. Hemm bżonn serjetà u professjonalità. Hemm bżonn li l-Ministru Miriam Dalli terfa’ r-responsabbiltà politika għal dan il-falliment, u twarrab bla iktar tixrid ta’ dmugħ tal-kukkudrillli.
Ma nistgħux ngħidu li din is-sitwazzjoni ġiet għall-għarrieda. Il-problema tal-qtugħ tal-elettriku fl-aktar xhur sħan tas-sena ilha magħna u jidher li dak li sar ma kienx biżżejjed biex jiggarantixxi provista li tista’ sserraħ rasek fuqha. Diffiċli ma tirrikorrix għall-użu tal-air conditioner meta t-temperaturi jmissu mal-40 ℃.
Mark Zerafa, kelliem f’isem ADPD-The Green Party qal:”ADPD ilha s-snin tinsisti li s-sistema tad-distrbuzzjoni teħtieġ li tkun aġġornata għaż-żminijiet tal-lum, b’mod li jirrifletti d-daqs attwali tal-popolazzjoni u l-konsum mistenni tal-elettriku fl-aktar xhur sħan tas-sena, b’investiment qawwi f’enerġija rinovabbli. Fl-istess waqt, l-istat għandu jimmotiva ferm iktar sabiex titjieb l-effiċjenza enerġetika fil-propjetà kemm dik residenzjali, kif ukoll kummerċjali. B’hekk, nassiguraw li l-elettriku ġġenerat ikun utilizzat aħjar, filwaqt li nersqu iktar lejn il-mira ta’ żero karbonju.”

