Issa li qegħdin fl-eqqel tas-Sajf nistgħu niġbdu ftit konkluzjonijiet dwar dak li għandu x’jaqsam mat-turiżmu u l-effetti tiegħu.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci qalet li l-fatt li prattikament tul is-sena kollha qed ikollna volum imdaqqas ta’ turisti qiegħed iħalli lir-residenti għajjiena u mxebba’ bl-effetti fosthom bl-istorbju kull ħin tal-ġurnata, żibel kullimkien u vandaliżmu mifrux.
Ma tantx nistgħu nitkellmu fuq ‘peak season’ għaliex dan tista’ tgħid qiegħed ikun mifrux is-sena kollha. Bħalma saru mifruxa wkoll mal-pajjiż kollu Airbnbs u anke lukandi jew ‘boutique hotels’ f’postijiet meqjusa residenzjali u fejn qatt qabel ma kienu joħolmu li jsiru dwan l-akkomodazzjonijiet. Eżempju ċar hu il-każ ta’ Ħal Qormi fejn riċentement kien hemm proposta li titwaqqaf lukana f’żona ċentrali.
Dan juri kif tista’ tgħid li intilef kull kontroll u kull direzzjoni ta’ fejn eżatt irid imur il-pajjiz. M’ hemm l-ebda ippjanar u l-effetti ta’ dan qed jinħassu f’infrastruttura li ċediet kemm-il darba: qtugħ ta’ dawl għal bosta siegħat u anke ġranet, drenaġġ fil-bajjiet u traffiku esaġerat kull ħin tal-ġurnata.
Bħala ADPD nisħqu li:
- Ir-rapporti li saru dwar carrying capacity jkunu ikkunsidrati sew. L-infrastruttura wriet kemm-il darba li l-limitu qbiżnieh;
- Hemm bżonn li dak li wiegħed il-gvern li parti mill-eko-taxxa fuq it-turiżmu titqassam lill-kunsilli lokali malajr kemm jista’ jkun. L-eko-taxxa hemm bżonn li tkompli tiżdied u tingħata kollha kemm hi lill-kunsilli lokali li huma l-aktar viċin iċ-ċittadin u jafu sew il-bżonnijiet tal-lokalità tagħhom;
- Hemm bżonn ukoll li multi li jingħataw imorru wkoll għand il-kunsilli biex jinvestuhom f’servizzi aħjar fil-lokalità;
- Hemm bżonn ukoll li niefqu nibnu aktar lukandi, l-limitu ilna li lħaqnieh. Nibqghu b’li għandna.
“Huwa ċar li Malta laħqet il-limitu tagħha u wasal il-waqt li ngħidu daqshekk! Ħadd m’hu se jmut bil-ġuħ imma ħafna se jgħixu aħjar. Fl-aħħar mill-aħħar jista’ s-settur tat-turizmu m’għandux ikun element ieħor ta’ detriment għall-kwalità tal-ħajja ta’ kuljum tar-residenti, temmet tgħid Gauci.

