Il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista ma ħallew ebda dubju li l-ħtif tal-voti jiżboq l-importanza li nieħdu ħsieb il-bijodiversità u l-wirt naturali tagħna. Għandhom l-istess attitudni negattiva lejn il-wirt naturali tagħna.
Il-kelliem u kandidat ta’ ADPD fuq distretti 1 u 9 Mark Zerafa innota kif diskors tal-Ministru Silvio Schembri waqt attività tal-FKNK wera biċ-ċar li għall-voti, il-PL lest li jkompli bil-vizzju li jagħmel minn kollox. Wiegħed li min kiser il-liġi u min qered fawna protetta mhux se jieħu dak li ħaqqu ladarba l-Partit Laburista jkun elett mill-ġdid. Wiegħed li l-multi se jinħafru u li delitti ambjentali se jintesew. Dan ipoġġi fil-perspettiva deċiżjonijiet li ttieħdu reċentement, li minkejja evidenza xjentifika li turi li l-gamiem u s-summien huma speċi vulnerabbli, il-Gvern ma kienx kapaċi jieħu deċiżjoni xierqa, injora parir xjentifiku, u fetaħ l-istaġun. Ma jmurx jitlef xi vot! Juri biċ-ċar li l-prijorità ta’ dan il-gvern mhix li jissalvagwardja l-ekosistemi u l-bijodiversità, imma li jissalvagwardja interessi partiġġjani.
Il-Kap Nazzjonalista min-naħa l-oħra, waqt mass meeting f’Għawdex wiegħed li d-“delizzji” tal-kaċċa u l-insib se jsibu protezzjoni. Ma għamel ebda riferenza għas-sostenibilità, għas-serjetà, u għall-protezzjoni tal-ekosistemi li huma tagħna lkoll. U lanqas ma semma t-trattati u l-liġijiet internazzjonali li aħna marbutin bihom. L-aqwa li nwiegħdu u nilagħqu sabiex niksbu l-voti.
ADPD bla riżerva u bl-aktar mod kategoriku jikkundanna x-xiri sfaċċat ta’ voti b’wegħdiet skandalużi u irresponsabbli li kull attroċità fuq l-ekosistemi tagħna tista’ tinħafer. Inwegħdu li nkomplu nkunu vuċi progressiva ta’ veru, vuċi għas-sens komun u għall-protezzjoni tal-wirt naturali tagħna.
Aqra aktar:

