Ekonomija Imsejsa fuq il-Parteċipazzjoni u d-Demokrazija 

L-isfidi ekonomiċi u soċjali li pajjiżna jħabbat wiċċu magħhom jitolbu soluzzjonijiet innovattivi.  Partikolarment, jinkludu l-emfasi fuq is-saħħa tal-kollettività fl-imprenditorija, li tagħti vuċi u sseddaq id-dinjità tal-ħaddiema, flok mudell ta’ individwaliżmu li minnu jgawdu l-ftit. Proposta ċentrali li qed tagħmel ADPD fuq dan l-aspett huwa l-imbuttatura għal mudell koperattiv fil-qasam tax-xogħol u l-imprenditorija. 

Il-kelliem u kandidat fuq it-tieni u t-tmien distrett elettorali, Mario Mallia qal li ADPD jisħaq li ekonomija reżiljenti tinbena fuq il-koperazzjoni u responsabbilta’ mifruxa.  Il-koperattivi bħala mudell ta’ imprenditorija, mhux biss isaħħaħ l-ekonomija lokali, imma iseddaq ir-ruħ soċjali u komunitarju, l-inklużjoni, u s-sostenibbiltà.  Il-pern demokratiku li fuqu bbażat il-mudell koperattiv, iwassal għal benesseri u dinjità tal-ħaddiema. 

Fost il-miżuri li qed jipproponi ADPD:

  1. Emenda għall-Att dwar il-banek li tagħti l-koperattivi d-dritt għal liċenzja bankarja. Dan iwassal sabiex il-mudell bankarju jappartjeni mhux għal azzjonisti imma mill-membri tal-koperattiva bankarja stess li jwieżen intrapriżi soċjali, intrapriżi ħodor, u koperattivi tal-housing. Fl-Unjoni Ewropea, il-banek koperattivi jipprovdu 30% tas-self għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. 
  2. Jinħoloq Malta Co-Operatives Futures Fund li jibda’ b’valur ta’ 5 miljun Euro immexxi bi sħubija bejn il-Malta Enterprise, il-Malta Development Bank u l-Fond Ċentrali tal-Koperattivi, li jipprovdi kapital, garanziji u self b’interess baxx lill-koperattivi li jħaddnu ekonomija ħadra, kura fil-komunità u innovazzjoni diġitali.   
  3. Jitwaqqfu koperattivi tal-housing mingħajr skop ta’ qliegħ, li tagħmel l-akkomodazzjoni aċċessibbli, speċjalment għaż-żgħażagh, u jnaqqas mill-użu tal-art għal skopijiet ta’ spekulazzjoni.  Fl-istess waqt, bini tal-gvern li mhux użat jiġi kkonvertit f’residenzi koperattivi.
  4. Jiġu inċentivati koperattivi li jmexxu l-operat ta’ enerġija rinovabbli, ekonomija ċirkolari u produzzjoni sostenibbli tal-ikel.    
  5. Jingħata dritt bil-liġi li koperattivi, għaqdiet volontarji u gruppi komunitarji, jingħataw preċedenza biex jipprovdu servizzi pubbliċi bħal kura għall-anzjani, kliniċi fil-komunità, enerġija rinovabbli u servizzi lokali oħra, qabel ma jitnieda proċess ta’ tendering kummerċjali.
  6. Jitniedu koperattivi fl-edukazzjoni sabiex it-tfal u ż-żgħażagh, kif ukoll l-edukaturi ikollhom l-opportunita’ li jgħixu l-mudell koperattiv u jħaddmuh fil-ħajja tax-xogħol u l-komunitajiet li jappartjenu għalihom.

ADPD isostni li il-mudell koperattiv ta’ xogħol u imprenditorija, jipprovdi n-negozji u komunitajiet b’opportunita’ għal xogħol fejn il-ħaddiema jkunu msieħba fid-deċiżjonijiet b’mod demokratiku, biex jilħqu miri ekonomiċi u soċjali tagħhom. 

Ekonomija bbażata fuq il-kunċett ta’ ‘ilkoll’ jagħti garanzija ikbar ta’ innovazzjoni, reżiljenza u ġustizzja soċjali.

FacebookEmail