“Il-proġett edukattiv ghandu jkun espressjoni ta’ parteċipazzjoni u inklużjoni. L-iskejjel għandhom ikunu l-benniena ta’ sens komunitarju li fis-soċjeta’ qed jixxellef.” Dan qalitu Sandra Gauci waqt konferenza tal-aħbarijiet li fiha ffukat fuq il-proposti ta’ ADPD għall-edukazzjoni. Gauci sostniet li f’ambjent fejn l-individwaliżmu u r-rebgħa saru jiddominaw, l-iskejjel għandhom ikunu l-postijiet li jindukraw il-ġid komuni, l-akkojenza u l-inkontru. Dan għandu jservi sabiex l-opportunitajiet edukattivi li jġib miegħu kuntest multikulturali u ta’ diversita’ ikunu jistgħu jiġu sfruttati kif mixtieq. Dan jimplika spazji kurrikulari ikbar sabiex l-iskejjel ikollhom fejn jimirħu u joħolmu, u fejn l-inkontru u d-diversita’ ikunu għajn ta’ edukazzjoni u ċelebrazzjoni.
ADPD temmen ukoll fil-bżonn li l-edukaturi jiġu afdati iżjed. Għandna sistema li għadha wisq tiddependi minn deċiżjonijiet meħuda minn ta’ fuq b’tali mod li l-edukaturi jibqgħu jiġu mistennija li jeżegwixxu l-ordnijiet minflok ma jkunu parteċipi fit-tfassil tal-politika u l-prattika edukattiva. Dan l-aspett jorbot b’mod konsistenti mal-insistenza ta’ ADPD fil-prinċipju ta’ sussidjarjeta’ fl-oqsma kollha, tant li fil-manifest elettorali tagħha, tipproponi li s-sussidjarjeta’ bħala kunċett, jiddaħħal fil-kostituzzjoni. Iktar sussidjarjeta’ anke fl-edukazzjoni għandha twassal biex l-edukaturi jħossuhom iktar parteċipi f’xogħolhom. Dan iżid fil-benesseri tagħhom bħala ħaddiema-edukaturi; benesseri li fl-aħħar mill-aħħar ikollu effett pożittiv fuq l-edukazzjoni tat-tfal li jindukraw.
ADPD iwaħħad is-sens ta’ komunita’ fl-iskejjel, mal-iżvilupp tas-sens kritiku. F’kuntest ta’ elezzjoni ġenerali, kif ukoll fil-kuntest tad-dinja usa li ngħixu fiha, il-bżonn li jitrawwem il-ħsieb kritiku qatt ma kien daqshekk kruċjali. F’dan il-kuntest, Sandra Gauci saħqet li huwa kontrosens li l-għalliema għadhom jintalbu jitolbu permess biex jitkellmu pubblikament fuq l-edukazzjoni. Fi kliem l-Ombudsman stess, diffiċli li tgħallem is-sens kritiku lit-tfal, meta l-għalliema stess għandhom sarima marbuta ma ħalqhom. Gauci saħqet li b’effett immedjat, din is-sarima minn żmien kolonjali, titneħħa darba għal dejjem.
Il-proposti għall-edukazzjoni ġew imbagħad spjegati f’iktar dettall minn Mario Mallia kandidat fuq it-2 u t-8 distrett elettorali. Dawn qed jiġu annessi ma’ din l-istqarrija.
Viżjoni ħadra għall-edukazzjoni tpoġġi emfasi fuq it-tisħiħ tal-persuni u l-potenzjal tagħhom, fil-kuntest ta’ tisħiħ tas-sens komunitarju. Irridu aktar attenzjoni għas-sens ta’ komunità u appartenenza, speċjalment fil-kuntest tal-mewġa populista lokali u internazzjonali li tivvittimizza l-immigranti.
Tassumi importanza ikbar ukoll fil-kuntest ta’ studju fuq iż-żgħażagħ fl-edukazzjoni obbligatorja li juri, fost oħrajn, żieda fis-sens ta’ solitudni speċjalment tal-bniet tul il-vjaġġ tagħhom fis-sekondarja. It-trawwim ta’ kultura komunitarja tirrispondi wkoll għan-narrattiva politika internazzjonali prevalenti li tifred, tiżola, u taħkem, flok tindokra u tagħder.
L-insistenza, f’waqtha, fuq il-benesseri partikolarment tat-tfal m’għandhiex tiġi artikolata bħala mezz li jgħin lit-tfal ikampaw f’sistema li f’xi aspetti, taf qed tmarradhom. Minflok, għandha tiffoka fuq is-sistema nnifisha u tibdilha fejn hemm bżonn.
Biex dan ikun possibbli, ADPD jipproponi li:
- Jittieħdu miżuri sabiex l-iskejjel ikunu iżgħar. Dan jgħin sabiex it-tfal ma jibqgħux numri.
- L-iskejjel tal-istat, imqar fuq livell ta’ kulleġġi, ikollhom il-possibiltà li jagħżlu l-istaff tagħhom bħalma jiġri fl-iskejjel mhux statali. Dan joffri l-possibiltà ta’ ethos b’saħħtu f’kull skola. B’hekk, l-eżerċizzju ta’ deployment isir f’kuntest usa’ ta’ sussidjarjetà u jkun iktar minn sempliċi tentattiv biex jimtlew it-toqob. Bi staff magħżul mill-iskejjel, jinħoloq spazju għal skejjel koperattivi fejn l-edukaturi jkollhom sehem attiv u demokratiku, fejn l-edukaturi huma iktar fdati. Edukaturi iktar fdati huma edukaturi iktar kuntenti b’effett aħħari fuq il-kwalità ta’ edukazzjoni li joffru.
- Kif qed jitnieda l-proċess ta’ tħejjija għal qafas tal-kurrikulu nazzjonali ġdid, tingħata importanza għal kurrikulu iktar irpużat (kif anke suġġerit fl-istrateġija nazzjonali għall-edukazzjoni 2024–2030) li jħalli spazju għall-iktar aspetti importanti fl-edukazzjoni, jiġifieri l-ħidma koperattiva, tagħlim tematiku u inqas ifframmentat, possibiltajiet ikbar ta’ tagħlim inquiry-based u problem posing u l-iżvilupp ta’ ħiliet trasversali oħra. It-tendenza ta’ edukazzjoni kompetittiva tiġi sostitwita minn prinċipji koperattivi. L-edukazzjoni mhix tellieqa taż-żwiemel. Dan jimplika l-bżonn ta’ ħin għall-iskejjel sabiex jirriflettu u jistħarrġu l-mod kif dan jista’ jsir. Inizjattivi mill-ministeru ma jibqgħux jiffukaw fuq inizjattivi kompetittivi, imma jrawmu ħsieb koperattiv.
- Inqas frammentazzjoni tal-ħin fil-ġurnata skolastika. B’inqas lezzjonijiet li huma itwal, jiżdied il-ħin għal tagħlim effettiv, koperattiv u ta’ kwalità. Dan ikollu effett dirett anke fuq il-benesseri tat-tfal.
- Għandha titnieda diskussjoni fuq il-possibbiltà li l-edukazzjoni primarja tibda iktar tard; prattika mħaddma f’ħafna pajjiżi. Dan għandu jħalli iktar spazju għat-tfal li jiżviluppaw u jkunu mħejjija aħjar għall-vjaġġ edukattiv tagħhom.
- Kurrikulu aġġornat għandu jagħmel emfasi ikbar fuq l-edukazzjoni tal-midja. Dan fil-kuntest tal-perikli minn miżinformazzjoni, u l-użu abbużiv tal-intelliġenza artifiċjali, fost oħrajn.
- L-edukazzjoni umanistika, artistika u spiritwali għandu jkollha l-istess importanza daqs suġġetti STEM. Edukazzjoni politika għandu jkollha post speċjali f’soċjetà demokratika. Filwaqt li tali edukazzjoni għandha tkun mifruxa permezz ta’ esperjenza edukattiva iktar demokratika u parteċipattiva, ikun importanti li dan ikun frott ta’ eżerċizzju konxju, maħsub u speċifiku, magħġun mill-iskejjel infushom.
- Għandu jiġi kkontemplat il-ħolqien ta’ spazji ikbar ta’ inkontru bejn tfal minn reliġjonijiet differenti. Ilu li wasal iż-żmien li jinħolqu spazji formali ta’ edukazzjoni reliġjuża inklussiva li filwaqt li jivvalorizza identitajiet differenti, irawwem iktar għarfien u rispett reċiproku.
- L-iskejjel għandhom jiġu mħeġġa biex ifasslu policies u prattiċi ta’ cultural responsiveness li jgħodd għar-realtà tagħhom, fil-qafas tal-policies nazzjonali ta’ inklużjoni.
- Għandha tiġi żviluppata politika lingwistika għall-qasam tal-edukazzjoni sekondarja, f’kuntest multilingwali.
- Partikolarment fl-MCAST tingħata importanza lil snajja’ li jippromwovu l-kunċett ta’ ekonomija ċirkolari li tirrijabilita u ssewwi flok tarmi. Ma taqbilx mal-introduzzjoni tal-iskejjel tas-snajja’ fl-edukazzjoni sekondarja għax ir-riċerka turina li dan il-pass jaħdem kontra l-interessi ta’ kategoriji partikolari ta’ studenti.
- Għandha titnieda diskussjoni serja biex pajjiżna jikkunsidra li l-età tal-edukazzjoni obbligatorja titla’ minn 16 għal 18-il sena. Dan jimplika li s-SEC jitneħħa mill-età ta’ 16-il sena biex il-proċess ma jibqax jikkundizzjona sistema edukattiva obbligatorja sħiħa kif qed jagħmel bħalissa. Dan iħalli iktar spazju għal assessjar formattiv.
- Il-MATSEC għandha titneħħa minn taħt l-università u titpoġġa taħt il-ministeru għall-edukazzjoni fejn hi postha, speċjalment fil-kuntest tal-fatt li l-università m’għadhiex l-unika istituzzjoni post-sekondarja bħalma kienet meta twaqqfet il-MATSEC.
- Is-sistema ta’ school-based assessment, li fil-prinċipju hija tajba, għandha tiġi rfinata sabiex ma tibqax, f’ċertu kuntesti, sett ta’ eżamijiet igglorifikati u sors ta’ stress ikbar għall-istudenti. Minflok, permezz ta’ iktar akkumpanjament tal-għalliema fuq livell ta’ skola, tiġi mifhuma iktar bħala spazju kreattiv ta’ assessjar li l-ewwel u qabel kollox jipprioritizza t-tagħlim.
- L-iskejjel tal-knisja għandhom jiġu mħeġġa jospitaw iktar tfal ta’ immigranti kemm biex il-‘piż’ jinfirex bejn l-iskejjel kollha, kif ukoll sabiex l-istess studenti tal-iskejjel tal-knisja jkollhom esperjenzi ta’ inkontru ma’ kulturi oħrajn bi preparazzjoni għas-soċjetà tal-lum u ta’ għada. Dan l-aspett pertinenti anke fil-kuntest ta’ skejjel tal-knisja li huma effettivament issussidjati minn fondi pubbliċi.
- Għandha tieqaf il-prattika li d-deċiżjonijiet kruċjali edukattivi jittieħdu wara bibien magħluqa. Il-każ tal-futur inċert tal-iskola tal-Wardija għal żgħażagh b’diżabilita’ huwa każ klassiku ta’ dan. L-edukaturi, flimkien mal-ġenituri, għandu jkollhom id-dritt li jikkontribwixxu b’mod attiv għal politika f’dan il-qasam. Kull deċiżjoni li tittieħed għandha tiġi komunikata u spjegata speċjalment mal-ġenituri li għalihom direzzjoni fuq il-futur ta’ wliedhom hija iktar u iktar essenzjali.
- Temfasizza l-bżonn li l-learning support educators jingħataw rikonoxximent iktar ċar għar-rwol importanti li jaqdu, u li dawn iħossuhom parti mit-tim edukattiv fl-iskejjel. Il-kwalifika abbażi ta’ taħriġ għandha tingħata prijorità fuq is-snin ta’ esperjenza. Dan biex l-istudenti l-iktar vulnerabbli jgawdu mill-attenzjoni tal-iktar persuni mħarrġa. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni għandu jkun it-tarka aħħarija li jara li t-tfal kollha, irrispettivament mill-istatus legali tal-ġenituri tagħhom, jingħataw id-dritt għall-edukazzjoni mingħajr kundizzjoni. Mhux ġust li tfal jitħallew fil-limbu, jbatu l-konsegwenzi tal-istatus legali tal-ġenituri tagħhom u jiġu mċaħħda mid-dritt għall-edukazzjoni.
- Għandu jitneħħa l-obbligu li biex l-edukaturi jesprimu ruħhom fil-pubbliku fuq materji ta’ politika edukattiva, iridu jitolbu l-permess tal-ministeru. Din il-prattika kolonjali ilu li għadda żmienha. Kif tenna l-Ombudsman, dan l-obbligu jmur kontra l-isforzi tal-edukaturi li jkattru l-ħsieb kritiku fl-istudenti tagħhom, meta l-edukaturi stess obbligati joperaw b’sarima ma’ ħalqhom.
- Iċ-childcare ma jistax jibqa’ maħsub bħala miżura intiża biex taqdi l-bżonnijiet ekonomiċi qabel kollox. Il-kwalità ma tistax tibqa’ tiġi sagrifikata għall-kwantità. Il-kwalità tal-esperjenza edukattiva bikrija għandha impatt dejjiem fuq il-ġejjieni tat-tfal. Għaldaqstant, pajjiżna għandu jinvesti f’dan il-qasam billi jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-edukaturi fis-settur sabiex jiġu attirati iktar edukaturi profiċjenti u mħarrġa.
- Il-gvern għandu jirrevedi l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom il-gvern qed jiffinanzja lill-privat fil-qasam, sabiex il-finanzjament ma jibqax ibbażat biss fuq in-numri imma anke fuq il-kwalità tas-servizz.
- L-edukazzjoni bikrija għandha tingħata l-istess status tal-kumplament tas-sistema edukattiva, billi l-livell ta’ kompetenzi jitjieb, u l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fis-settur isiru l-istess bħalma huma dawk fis-saffi l-oħrajn tas-sistema edukattiva. Issir kampanja sistematika sabiex iktar irġiel ikunu mħajra jidħlu f’dan il-qasam, speċjalment fl-edukazzjoni bikrija. Dan għandu jgħin biex jindirizza sterjotipi marbuta ma’ ġeneru li jinbtu minn kmieni fl-imħuħ taż-żgħar tagħna.

