Huwa kontradittorju li ftit jiem biss wara ċ-ċelebrazzjonijet ta’ Jum il-Haddiem, il-Prim Ministru, kuxjentement, għażel li jiddiskrimina bejn ħaddiema u ħaddiema, billi kif qal hu, isib dgħjufija fil-liġi.
Waqt diskors il-Ħadd il-Prim Ministru bla mistħija, saħansitra ftaħar li rnexxielu jsib skuża legali sabiex ħaddiema barranin, ma jibbenefikawx mill-għotja ta’ elf Euro li l-PL qed jipproponi li tingħata lill-ħaddiema kollha.
Mario Mallia, kelliem ta’ ADPD u kandidati fuq it-tieni u t-tmien distrett qal: ” Dan lingwaġġ mhux denju ta’ Prim Ministru. Dan il-lingwaġġ ta’ eskluzjoni b’mod intenzjonat u sistematiku huwa perikoluż u inaċċettabbli, iżjed u iżjed minn Prim Ministru li jiftaħar li jirrapreżenta ‘l hekk imsejjaħ partit tal-ħaddiema. Dak li ftaħar bih il-Prim Ministru, jkompli jrewwaħ l-element razzist fi ħdan il-partit tiegħu, bl-intenzjoni li jirbaħ xi vot, filwaqt li ma jiddejjaqx jaqa’ f’kontradizzjoni liema bħalha.”
“B’dak li ntqal, il-Prim Ministru ħadna seklu lura, fejn id-drittijiet ta’ ċertu ħaddiema kienu għadhom ħolma. Konvenjentement, il-Prim Ministru jidher li nesa li parti sostanzjali mit-tkabbir tal-GDP li tant jiftaħar bih, huwa mibni minn fuq dahar dawn il-ħaddiema, mħallsa 38% inqas milli jitħallsu l-ħaddiema Ewropej u Maltin. Bil-kejl ta’ ġustizzja socjali, jekk xejn dan għandu jimplika li dawn il-ħaddiema huma fost l-iktar li għandhom bżonn għajnuna. ADPD-The Green Party, jinsisti fuq politika li tirrispetta lill-ħaddiema kollha, huma min huma. Jemmen f’politika ta’ inkluzjoni u tama flok ta’ esklużjoni u mibegħda. Jemmen f’pajjiż akkoljenti u ekonomija msejsa fuq l-etika u l-ġustizzja, li jassiguraw rispett u dinjità ugwali għall-ħaddiema kollha, huma min huma.”

