Il-proposti li qed iressaq il-Ministru Ian Borg dwar ir-regolamentazzjoni tax-‘short-lets’ fit-turiżmu u anke l-irtirar tal-policy tal-ippjanar ta’ sular addizzjonali lil-lukandi eżistenti huma pass ’il quddiem, għalkemm tard, fid-direzzjoni t-tajba. Wara snin ta’ tkabbir bla kontroll f’dan is-settur, hemm bżonn qafas aktar ċar li jindirizza l-impatti fuq il-komunitajiet lokali, il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u s-sostenibbiltà tat-turiżmu f’pajjiżna.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci saħqet li madankollu, huwa kruċjali li dawn il-miżuri ma jibqgħux biss fuq il-karta. Min jikri proprjetà għal skopijiet turistiċi għandu jerfa’ r-responsabbiltà sħiħa tal-operat tiegħu, inkluż fir-rigward tal-impatti fuq il-ġirien u l-komunità.
“Dan ifisser li għandhom jiġu stabbiliti standards ċari dwar storbju, skart, sigurtà u konformità mal-liġijiet lokali, u li dawn jiġu osservati u infurzati b’mod strett. Nqisu li l-massimu ta’ 10 persuni għal post għal kiri turistiku huwa għoli wisq. Huwa tajjeb li min jikri għandu jkollu l-informazzjoni fejn jista’ jiġi ikkuntattjat aċċessibbli. Nisperaw li jkun hemm infurzar bis-serjetà, b’riżorsi adegwati u b’rieda politika biex min jikser ir-regoli jaffaċċja l-konsegwenzi.”
“F’dan il-kuntest, il-proposti ta’ ADPD-The Green Party ilhom jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet b’mod konsistenti. Fil-każ ta’ lokalitajiet fejn l-impatt tax-‘short-lets’ u żvilupp intensiv huwa evidenti ħafna, ninsistu fuq il-ħtieġa ta’ ippjanar li jqis il-benesseri tar-residenti qabel l-interessi kummerċjali. Il-partit ilu jsejjaħ għal limiti ċari fuq kemm proprjetajiet jistgħu jintużaw għal kiri turistiku f’żoni residenzjali, kif ukoll għal konsultazzjoni reali mal-komunitajiet affettwati. Insistejna wkoll fuq tourist-tax skont it-tul tal-vaganza mingħajr limiti, kif ukoll rata li tagħmel sens. Vera li l-gvern żied dit-taxxa riċentament, iżda naħsbu li hemm lok biex it-taxxa tgħaddi għand il-kunsilli lokali u biex tal-anqas jitneħħa l-’capping’.”
“ADPD-The Green Party ilu jisħaq li l-mudell turistiku jeħtieġ bidla fundamentali. Minflok ma nkomplu nżidu n-numru ta’ sodod u akkomodazzjoni turistika bla waqfien, għandna nimxu lejn turiżmu li jirrispetta r-riżorsi limitati tal-pajjiż u joffri esperjenza aħjar kemm għall-viżitaturi kif ukoll għar-residenti. Dan jinkludi investiment f’infrastruttura sostenibbli, protezzjoni tal-ambjent naturali u urbani, u limiti fuq lukandi u akkomodazzjoni turistika. Il-frażi li saret issa saret komuni, ‘turiżmu ta’ kwalità’, saret tfisser li nkomplu nżidu l-ammonti ta’ faċilitajiet turistiċi. Minn ‘beach clubs’ fuq l-ixtut f’San Pawl il-Baħar, sa bankini mimlija mwejjed u siġġijiet, sa flats bl-addoċċ għall-kiri fis-Swieqi. Għalina ‘kwalità’ tfisser turiżmu li jirrispetta r-riżorsi limitati tal-pajjiż u l-ambjent naturali u urban tagħna.”
“Il-problema prinċipali tibqa’ n-numru dejjem jiżdied ta’ akkomodazzjoni turistika. Jekk inkomplu nżidu l-kapaċità mingħajr ma nqisu l-limiti fiżiċi u soċjali tal-pajjiż, ir-riżultat inevitabbli jkun aktar pressjoni fuq l-infrastruttura, aktar storbju, aktar traffiku u tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja.”
“Għalhekk, filwaqt li nilqgħu l-proposti tal-ministru bħala pass ’il quddiem, ninsistu li dawn għandhom ikunu parti minn strateġija aktar wiesgħa li tindirizza l-għerq tal-problema. Hemm bżonn li l-Gvern jieħu deċiżjonijiet kuraġġużi biex jillimita t-tkabbir eċċessiv u jpoġġi s-sostenibbiltà u l-komunitajiet fiċ-ċentru tal-politika turistika.”

