Fejn hi l-etika?

Issibu hawn taħt ilment li tressaq mill-Perit Carmel Cacopardo, Deputat Chairperson tal-ADPD-The Green Party lill-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika biex jinvestiga l-ħatra ta’ Johann Buttigieg bħala Executive Chairman tal-PA.

Brian Decelis – Public Relations Officer

***


Wed, 8 Jan 2025 at 05:55
Ilment dwar il-ħatra ta’ Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar
office@standardscommissioner.mt

Sur Kummissarju,

Nirreferik għall-ħatra tas-Sur Johann Buttigieg għall-kariga ta’ Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar li ngħatat pubbliċità lbieraħ.

Hu fatt magħruf li s-Sur Buttigieg, preżentement qed jaqdi d-doveri ta’ konsulent tal-iżviluppatur ewlieni Michael Stivala li jmexxi ukoll l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin.

Anke jekk wieħed jinjora l-kontroversji pubbliċi kollha li fihom kien involut is-Sur Buttigieg, inkluż dawk li investiga u rrapporta dwarhom l-uffiċċju tiegħek, hu diffiċli li wieħed jifhem kif is-Sur Buttigieg qatt jista’ jagħmel il-qabża minn konsulent fil-qasam tal-iżvilupp għat-tmexxija tar-regolatur tal-istess qasam. Hu umanament impossibli li jagħmel din il-qabża qabel ma’, tal-inqas, jagħmel perjodu sostanzjali distakkat kompletament mis-settur regolat.

Fid-dawl ta’ dan nitolbok tinvestiga l-ħatra tas-Sur Buttigieg u dan fid-dawl tal-imġiba etika korretta mistennija mill-awtoritajiet pubbliċi.

Carmel CacopardoDeputat Chairperson – ADPD – The Green Party

FacebookEmail