Li tissorvelja lil kulħadd biċ-“Chat Control” mhux aċċettabbli

Il-proposta magħrufa bħala “Chat Control”, li bħalissa qed tiġi diskussa fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, tirrappreżenta theddida serja għall-privatezza u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini Ewropej. Din il-proposta, li tippermetti l-iskannjar sistematiku ta’ komunikazzjonijiet privati, tiftaħ il-bieb għal sorveljanza indiskriminata fuq miljuni ta’ persuni onesti.

Il-kontroll bla distinzjoni fuq il-messaġġi privati jfisser li l-istituzzjonijiet pubbliċi jew operaturi privati jkollhom aċċess għal informazzjoni personali mingħajr ma jkun hemm suspett jew raġuni valida. Dan imur kontra l-prinċipji tal-proporzjonalità, tal-libertà ta’ espressjoni u tal-privatezza li huma protetti mil-liġijiet Ewropej stess.

Sandra Gauci, Chairperson ta’ ADPD – The Green Party: “Bil-proposta li jiġu kkontrollati chats privati b’mod indiskriminat, anke dawk encrypted, l-UE qed tidħol bla bżonn fil-ħajja privata tan-nies. Dan mhux aċċettabbli. Filwaqt li nifhmu l-ħtieġa li jiġu investigati każijiet serji ta’ abbuż jew kriminalità, dan għandu jsir biss fuq bażi ta’ suspett raġjonevoli u taħt kontroll ġudizzjarju ċar. Ma jistax ikun li kulħadd jitqies bħala suspettat.”

Jekk kull messaġġ jista’ jiġi skannjat qabel ma jintbagħat, dan mhux biss jiftaħ il-bieb għal abbuż minn istituzzjonijiet jew kumpaniji, iżda wkoll ipoġġi f’riskju s-sigurtà diġitali tal-utenti kollha billi jiddgħajjef is-sistema ta’ encryption li tipproteġi lill-utenti minn hackers u kriminali.

ADPD-The Green Party jħeġġeġ lill-Membri tal-Parlament Ewropew, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill tal-UE biex jirtiraw il-proposta Chat Control fil-forma preżenti tagħha. Il-partit jappella għal reviżjoni li tħares lejn soluzzjonijiet proporzjonati u rispettati mid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini.

“L-Unjoni Ewropea għandha tkun difensur tal-libertajiet, mhux strument ta’ sorveljanza. Ma nistgħux niġġustifikaw ksur tal-privatezza ta’ kulħadd bl-iskuża li qed nissieltu l-kriminalità. Id-dritt għall-privatezza hu pilastru tad-demokrazija, u rridu niddefenduh.”

FacebookEmail