Hawn taħt qed nirriproduċu t-talba għall-investigazzjoni ta’ dak li jidher li hu nfiq bl-addoċċ u bla kontroll fuq il-Mediterrane Film Festival. It-talba saret minn Carmel Cacopardo f’isem ADPD-The Green Party.
***
Awditur Ġenerali
Sur Deguara,
Qed niktiblek dwar il-Film Festival organizzat bejn il-21 u d-29 ta’ Ġunju 2025.
It-tender li ħarġet f’April li għadda dwar l-organizazzjoni ta’ dan il-festival kienet deċiża nhar it-3 ta’ Lulju 2025 skont rapport fil-media (Tender for Mediterrane Film Festival awarded after event was concluded – The Shift News).
Hu magħruf li l-festival ġie jiswa miljuni kbar ta’ Euro. Il-ħidma dwaru, u allura ukoll l-infiq, bdiet ġimgħat qabel il-21 ta’ Ġunju.
Din x’governanza hi li l-awtorizzazzjoni għall-infiq tingħata wara li l-infiq ikun kollu, jew kważi kollu sar?
Hu inevitabbli li f’dawn iċ-ċirkustanzi wieħed jasal għall-konklużjoni li l-infiq ta’ fondi pubbliċi qed isir bl-addoċċ mingħajr l-iċken kontroll.
Qed inġib dan kollu għall-attenzjoni formali tiegħek u nitolbok li tinvestiga dan l-abbuż sfaċċat mill-fondi pubbliċi.
Carmel Cacopardo
Deputat Chairperson – ADPD – The Green Party

