Il-Ministeru ta’ Għawdex ħabbar li għal darba oħra, l-istaġun tal-kaċċa għall-gamiem u s-summien se jerġa’ jinfetaħ fit-13 ta’ April. L-awtoritajiet reġgħu baxxew rashom għat-talbiet tal-lobby tal-kaċċaturi filwaqt li taw il-ġenb ‘l-interess komuni u l-benesseri tal-fawna u l-ekosistemi tagħna.
Kelliem għal ADPD-The Green Party Mark Zerafa qal:”Ċifri xjentifiċi preżentati minn Birdlife Malta li juru b’mod ċar li s-summien u l-gamiem huma speċi vulnerabbli, ġew injorati bi skuża li hemm bżonn ta’ aktar skrutinju tar-riċerka xjentifika fuq livell Ewropew. B’mod skandaluż, l-Aworità dwar ir-Riżorsi u l-Ambjent (ERA) qagħdet lura milli tieħu pożizzjoni ċara favur l-ekosistema li xogħolha hu li tipproteġi, u astjeniet milli tivvota kontra l-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa. Jekk mhux skuża ta’ riċerka xjentifika bħal fil-każ tal-insib, ħolqu skuża oħra biex tgħaddi tagħhom u jintogħġbu mal-kaċċaturi.”
Nominalment ma tistax tinqabad aktar minn kwota fissa ta’ għasafar matul l-istaġun, u l-kaċċaturi huma obbligati li jirrapportaw il-qabda tagħhom. Madankollu ma jidhirx sa issa li se jidħol fis-seħħ xi mekkaniżmu biex jivverifika dak li jiġi rapportat mill-kaċċaturi stess. Lanqas ma hawn fis-sehh salvagwardja effettiva biex jassiguraw il-protezzjoni ta’ speċi protetti.
Il-ftuħ tal-istaġun tal-kaċċa jmur kontra d-dmirijiet internazzjonali tagħna, l-liġijiet Ewropej u fl-aħħar mill-aħħar kontra l-interessi tagħna u l-ambjent naturali ta’ Malta. ADPD-The Green Party jisħaq li bħala pajjiż minflok ma nibqgħu nagħmlu ta’ rasna, għandna naħdmu id f’id mal-kollegi tagħna madwar l-Ewropa sabiex nipproteġu l-wirt naturali li huwa tagħna lkoll.

