F’dawn l-aħħar jiem qrajna diversi allegazzjonijiet serji diretti lejn il-Ministru Roderick Galdes. Meta taqra persuna wara l-oħra tressaq akkużi ta’ dan it-tip, wieħed jasal għall-konklużjoni li hemm problemi profondi ta’ mismanagement u nuqqas ta’ governanza tajba u trasparenza fil-Ministeru tiegħu. Il-kliem ta’ Marlene Mizzi u oħrajn b’reazzjoni għal storja li dehret f’The Shift News dwar Malita plc, jagħtu stampa ċara li l-affarijiet mhumiex mexjin kif suppost u li s-sitwazzjoni wasslet għal telf ta’ fiduċja minħabba l-indħil tal-Ministru.
Iċ-Chairperson ta’ ADPD-The Green Party Sandra Gauci qalet:”Dawn l-allegazzjonijiet ta’ intriċċi ma jistgħux jiġu injorati. Il-pubbliku għandu d-dritt ikun jaf x’inhu jiġri u għandu d-dritt jitlob li l-istituzzjonijiet jitmexxew b’mod trasparenti u responsabbli. Fid-dawl ta’ dak kollu li ħareġ fil-beraħ, qed nitolbu r-riżenja immedjata tal-Ministru Roderick Galdes sabiex terġa’ tiġi stabbilità is- serjetà u fiduċja ftl-tmexxija tas-settur pubbliku.”
“Barra minn hekk, nemmnu li għandha ssir investigazzjoni sħiħa u indipendenti dwar dak kollu li ġie allegat. L-ebda Ministeru tal-gvern m’għandu jkun ‘il fuq mill-kontabilità, u huwa dmir tagħna li niżguraw li l-kumpaniji pubbliċi u l-istituzzjonijiet tagħna jitmexxew b’integrità u b’rispett lejn il-pubbliku.”

