Raphael Borg
Abela u Caruana qed jgħidu li dan il-baġit huwa “ġustizzja soċjali” u “kontra l-isfruttament.” Ir-rekord storiku juri l-oppost: din hi l-quċċata t’ espressjoni loġika ta’ tletin sena ta’ żball ta’ żewġ partiti, l-PL u l-PN. Żball li issa qed jiġi ttrasformat f’piż fuq l-aktar ħaddiema vulnerabbli.
Abela u Caruana ddefendew il-miżuri tal-baġit tal-2027 li jikkonċernaw ċittadini minn pajjiżi terzi permezz ta’ tlett argumenti: li l-gvern mhux qed jiddiskrimina iżda qed jiżgura d-‘dinjità’; li l-problema tinsab f’’ċerti negozji’ li jibnu l-mudell tagħhom fuq pagi baxxi, u mhux fil-ħaddiema nfushom; u li dan il-baġit jirrappreżenta qabża matura ’l-bogħod mill-prattiċi tal-passat.
Madankollu, meta teżamina l-istorja, dawn l-argumenti kollha jiġġarrfu. Dan il-baġit mhuwiex xi bidla minn tletin sena ta’ politika appoġġjata mill-PL u l-PN. Għall-kuntrarju, huwa l-qofol ta’ dik il-politika stess — u d-‘dibattitu matur’ li jitlob Abela huwa preċiżament id-dibattitu li l-gvern tiegħu ilu għexieren ta’ snin jirrifjuta li jiftaħ.
Il-kriżi li dan il-baġit jippretendi li jindirizza nħolqot matul tliet deċennji mill-PN u l-PL. Il-Pjan Strutturali tal-1990 kien diġà identifika l-pressjoni tal-iżvilupp. Bejn l-1990 u l-2006, il-gvern tal-PN biddel il-pjanijiet lokali ripetutament, filwaqt li warrab il-kwistjonijiet strutturali fundamentali. Imbagħad wasal is-26 ta’ Lulju 2006: l-eżerċizzju ta’ razzjonalizzazzjoni li ġie approvat mill-Parlament fuq proposta tal-gvern tal-PN, mingħajr ebda studju dwar l-impatt ambjentali, u bi ksur tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (SEA) li kienet għadha kif bdiet toħroġ. Kif iddokumenta Carmel Cacopardo, din kienet “id-deċiżjoni fundamentali li ppermettiet l-iżvilupp propost illum.” L-istess loġika tinsab fid-dokument SPED tal-2015, taħt il-Partit Laburista. Dawn iż-żewġ partiti wirtu, żammew u komplew jestendu l-istess qafas.
Is-sussidju għal min jixtri l-ewwel dar, introdott fl-2012, wassal biex fondi pubbliċi jispiċċaw għand banek privati, u b’hekk saħħaħ il-kontroll tal-kapital finanzjarju fuq is-settur tad-djar. L-iskema tal-“passaporti tad-deheb” (Golden Passports), introdotta taħt Muscat fl-2013, ittrattat l-identità nazzjonali bħala merkanzija u xprunat l-ispekulazzjoni — skema li fl-2025 ġiet iddikjarata illegali mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. L-isptar San Luqa kien ilu jiddeterjora mis-snin disgħin; Mater Dei fetaħ fl-2007 bi spejjeż li telgħu minn €116-il miljun għal kważi €600 miljun, u b’inqas sodod per capita mill-isptar li ssostitwixxa. Bejn l-2015 u l-2023, il-privatizzazzjoni ta’ Vitals/Steward, imwettqa mill-Partit Laburista, ġiet annullata mill-qrati minħabba frodi u kollużjoni. Il-popolazzjoni żdiedet minn 350,000 fl-1990 għal aktar minn 580,000 fl-2026 — żieda ta’ 66% — filwaqt li n-numru ta’ sodod fl-isptarijiet għal kull 1,000 persuna naqas minn 7.6 għal madwar 4.1.
Il-konklużjoni hija innegabbli: il-kriżi kienet riżultat ta’ akkumulazzjoni maż-żmien, involviet lill-PL u l-PN, u kienet immexxija mix-xewqa għall-profitt. L-ebda wieħed minn dawn il-partiti ma jista’ jippretendi li kien is-soluzzjoni; anzi, it-tnejn li huma kienu l-mutur ta’ din is-sitwazzjoni.
Il-funzjoni politika ta’ dan il-baġit hija li jiddevja r-rabja ’l-bogħod min-nuqqasijiet strutturali li ħolqu huma stess, u jidderiġiha lejn grupp ta’ nies li m’għandhomx dritt tal-vot. Meta l-kjuwijiet fl-isptarijiet twalu, id-diskors ma kienx dwar in-nuqqas tal-PN li jirriforma l-kura primarja, u lanqas dwar il-privatizzazzjoni frawdolenti mwettqa mill-Partit Laburista. Minflok, intqal li “l-barranin qed jikkawżaw il-kjuwijiet.” Meta d-djar saru inaċċessabbli, meta t-traffiku mar għall-agħar, il-kwistjoni ma kinitx dwar politika ffukata fuq il-karozzi jew il-konċentrazzjoni tal-ħwienet f’ċentri kummerċjali enormi jew pjanifikar li aġevola bini li m’għandniex bżonn filwaqt li jħalli nies bla saqaf. Il-problema kienet li kien hemm “wisq nies”.
Abela jgħid li “qed nitkellmu dwar ħaddiema li huma bnedmin bħali u bħalek.” Kieku dan kien minnu, il-baġit kien se jintaxxa lil min iħaddem, dawk li jifilħu l-aktar, mhux lill-ħaddiema. Kien se jirregola lill-ispekulaturi, mhux lill-inkwilini. Kien se jinvesti fil-kapaċità, mhux jisraq lill-aktar vulnerabbli. Kien se jammetti l-falliment, mhux jistituzzjonalizza l-ħolqien ta’ xi ħadd biex jitgħabba bil-ħtija kollha. Il-ħaruf tas-sagrifiċċju.
Il-problema mhix ix-xufier biss; il-problema hija l-karozza wkoll. U din il-karozza ilha tletin sena tinstaq mill-PL u l-PN, fl-istess direzzjoni. Il-baġit mhuwiex qtugħ mill-passat. Huwa l-passat li wasal għall-konklużjoni loġika tiegħu: mudell li ma jistax jibqa’ għaddej mingħajr xi ħadd li jġorr il-ħtija, u klassi politika li ma tistax tibqa’ teżisti mingħajr ma teħles lilha nnifisha mir-responsabbiltà.
L-uniku dibattitu matur huwa dak li l-ebda wieħed mill-PL u l-PN m’huma lesti jagħmlu: dak li jammetti l-falliment, isemmi min qed jibbenefika, u jerġa’ jqassam il-piż ’il fuq minflok ’l isfel. Sakemm ma jsirx dan id-dibattitu, xejn mhu se jinbidel — għax il-mudell huwa mfassal biex jiżgura li xejn ma jinbidel, ħlief min qed iħallas.
Raphael Borg huwa membru tal-kumitat eżekuttiv ta’ ADPD-The Green Party

