Il-pajjiż kollu jinsab ixxukkjat b’dak li seħħ f’San Ġiljan illum, fejn rajna atti ta’ vjolenza mwettqa fuq ħaddiema tal-kostruzzjoni, hekk kif agressur qabbad ħuġġieġa taħthom sabiex ipoġġilhom ħajjithom f’periklu ċar. Fl-istess inċident, uffiċjali tal-pulizija indarbu gravi b’tiri minn arma tan-nar, u wieħed minnhom qiegħed jissielet għal ħajtu.
Sandra Gauci, Chairperson ta’ ADPD-The Green Party qalet li ADPD jikkundanna kull att ta’ vjolenza u jesprimi solidarjetà mal-korp kollu tal-pulizija li b’impenn jżommu l-ordni fil-pajjiż, minkejja l-isfidi u l-perikli li jaffaċċaw ta’ kuljum.
ADPD jittama li l-vittmi ta’ dan l-inċident jegħlbu din it-theddida fuq ħajjithom sabiex jerġgħu jingħaqdu mal-familji tagħhom mill-aktar fis.

